4a. Il-mitħna tax-Xarolla u l-oqbra li nsabu fil-madwar (miktub bil-Malti)

Kitba ta' C. Rolé

 

Kelmtejn dwar l-imtieħen tar-riħ

Sa mill-eqdem żminijiet, il-bniedem dejjem ra kif ħa jagħmel l-aqwa użu miċ-ċereali u l-frott sabiex jgħinuh jikkumbatti l-ġuħ u l-mard. Fost dawn iċ-ċereali, wieħed issib il-qamħ. Iżda biex dan il-qamħ ikun tajjeb għall-ikel, dan għandu jiġi mitħun. B'dan il-mod, il-bniedem seta' joħloq il-ħobż u l-ftajjar u b'hekk ikollu provista aħjar ta' ikel. Biex il-bniedem ikun jista' jidħan dan il-qamħ b'inqas tabatija, inħolqot il-mitħna tar-riħ (Kunsill Lokali Żurrieq, 2003).

 

l-istorja ta' l-imtieħen tar-riħ toħodna lura għal żminijiet imbegħda ħafna. Fil-fatt, fil-Bibbja nsibu referenza għall-imtieħen imsejħa tal-mixi. Dawn l-imtieħen kienu jkunu f'kamra kbira msaqfa fuq il-ħnejjiet. F'nofsha kien ikun hemm ġebla tonda taż-żonqor, ċatta fl-art u miċ-ċentru  tagħha għal mas-saqaf kien ikun hemm zokk ta' siġra oħxon li miegħu kien ikun hemm ġebla kbira, tonda u wieqfa. L-ġebla ta' fuq kienet iddur fuq dik ta' isfel u b'hekk kien jiġi mitħun il-qamħ u jsir dqiq (Kunsill Lokali Żurrieq, 2003).

 

L-imtieħen tar-riħ kif jafuhom missirijietna dehru għall-ewwel darba fl-Ewropa tal-Lavat, ġewwa l-Greċja u t-Turkija għal nofs is-seklu tnax. Lejn it-tieni nofs tas-seklu tlettax, dawn l-imtieħen bdew jidru ukoll f'pajjiżna, tant li mal-miġja tal-Kavallieri ta' l-Ordni ta' San Ġwann fl-1530, f'Malta kien hawn 42 mitħna. Il-Gran Mastru Cotoner wera interess kbir f'dawn l-imtieħen u kien iqishom bħala mezz tajjeb biex jaqla' l-flus. Fl-1674 twaqfet il-fondazzjoni Cotoner u din bidet ix-xogħol fuq il-bini tar-riħ f'Bormla, Ħaż-Żebbuġ, in-Naxxar, iż-Żurrieq u tnejn fil-Floriana. Aktar tard, din il-fondazzjoni bniet imtieħen tar-riħ f'Ħal-Lija, iż-Żejtun, il-Gudja u t-tnieni mitħna f'Ħaż-Żebbuġ. Fl-1724, il-fondazzjoni Manoel bniet bosta mtieħen oħra, fosthom waħda fir-Rabat, fil-Għargħur, oħra fiż-Żurrieq u waħda bejn iż-Żejtun u Ħal Għaxaq (DOI, 2005).

 

Maż-żmien, ħafna minn dawn l-imtieħen twaqqgħu, u oħrajn baqa' biss il-binja tagħhom. Iżda waħda minn dawn l-imtieħen, dik tax-Xarolla fiż-Żurrieq għadha teżisti fl-istat oriġinali tagħha wara li ġiet irestawrata f'żewġ fażijiet: l-ewwel waħda wara l-1998 u t-tieni bejn l-2004 u l-2005 (DOI, 2005). Sfortunatament, din il-mitħna reġgħet ġarbet ħsarat estensivi fl-2009, meta nħakmet minn maltempata qawwija ħafna.

 

L-istorja tal-mitħna tax-Xarolla.

Il-mitħna tax-Xarolla nbniet fi żmien l-Ordni ta' San Ġwann u hija waħna mill-erba' mtieħen li fl-antik kienu jiprovdu l-qamħ lir-raħal taż-Żurrieq u l-inħawi tiegħu. Din il-mitħna tissejjaħ tax-Xarolla minħabba li l-parti tar-raħal li tinsab fiha jġib dan l-isem. Il-mithna tax-Xarolla hija wahda mit-8 imtiehen tal-Fondazzjoni Manoel, u giet mibnija fuq art tal-gvern, propju mill-Gran Mastru Manoel De Vilhena fl-1724. Il-kompless kollu ta' din il-mitħna jikkonsisti f'intrata, żewġ swali tawwalin fil-ġnub, knontrantrata, bitħa bi kċina fuq in-naħa ta' wara u bitħa kbira b'maqjel fil-ġemb (Kunsill Lokali Żurrieq, 2003).

 

Fl-1946, il-Gvern ta' dak iż-żmien iddeċieda li jirranġa l-mitħna minn barra minħabba li minn ġewwa, il-makkinarju kien għadu fi stat tajjeb ħafna. Għaldaqstant, Sid il-Mitħna tal-Qala, Għawdex tqabbad jagħmel l-antenni u t-tiswijiet kollha li kien hemm bżonn. Iżda b'xorti ħażina, l-antenni waqgħu waqt maltempata kbira li saret fl-1979. Wara dan l-inċident, din il-mitħna ġiet abbandonata kompletament u maż-żmien waqgħet f'idejn il-Gvern Malti (Kunsill Lokali Żurrieq, 2003).

 

Aktar tard, din il-mitħa waqgħt f'idejn il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u fl-1998 ġiet irrestawrata mill-ġdid (DOI, 2005) F'Ottubru ta' l-istess sena, il-makkinarju tal-mitħna rega' beda jahdem, tant li gie mithun il-qamħ. L-amministrazzjnoni tal-mitħna għada sal-lum il-ġurnata f'idejn il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u qiegħda tiġi użata wkoll bħala post kulturali, fejn fiha jsiru wkoll xi wirjiet u attivitajiet interessanti għall-pubbliku (Kunsill Lokali Żurrieq, 2003).

 

Fdalijiet arkeoloġiċi

Madwar il-Gżejjer Maltin, wieħed jista' jsib numru ta' fdalijiet ta' qobra li jmorru lura għal diversi mijjiet ta' snin. Fost dawn il-fdalijiet, insibu wkoll xi fdalijiet ta' qobra biswit l-mitħna tax-Xarolla. Dawn il-fdalijiet instabu f'Awwissu tal-1926 u wara xi skavi nistab li d-daħla tagħhom tinsab ħdejn il-ħajt tal-Mitħna. Xi snin wara inkixef wkoll qabar mħaffer fil-blat u li fih kien hemm xi fdalijiet umani kif ukoll xi fuħħar li jmur lura as-7 seklu Qabel Kristu (Guillaumier, 1987).

F'dawn l-oqbra nstabu wkoll xi elementi arkitettoniċi interessanti li rari jinstabu f'oqbra oħra madwar il-gżira (Kunsill Lokali Żurrieq, 2010). 

 

 

Referenzi:

 

Department of Information (2005.). Wirja permanenti dwar l-imtieħen tar-riħ. Available at http://www.doi.gov.mt/EN/press_release/2005/02/pr0282.asp. Accessed on Sunday, 21st February, 2010.

Guillaumier, A. (Ed) (1987). Iż-Żurrieq f'Bliet u Rħula Maltin. 35, (pp. 953 - 971).

Valletta: Valletta Publishing and Promotions Co Ltd.

Kunsill Lokali Żurrieq (2003.). Noti miġbura mill-Kunsill Lokali relatati ma' dan l-artiklu.

Kunsill Lokali Żurrieq (2010.). L-istorja tal-lokalità Available at: http://www.lc.gov.mt/Page.aspx?catid=62&pid=220. Accessed on 12th May, 2010.

 


« February 2012 »
MonTueWedThuFriSatSun
12345
6789101112
13141516171819
20212223242526
272829

Bookmark Us

Bookmark Website 

Bookmark Page 

Votazzjoni

Tinteressak il-hidma li issir fil-parrocca?:

L-Aħħar Kummenti (Forum)