Kitba ta' C. Rolé
"Niżel bħal sajjetta f'nofs il-bnazzi u ħasad liż-Żrieraq kollha". Dan hu l-mod ta' kif iż-Żrieraq jiddeskrivu l-avveniment li seħħ nhar it-18 ta' Frar, 1956. "Ħadna qata kbira, qatt ma stennejna li ser naraw xena bħal din, xena li m'hu ser ninsa' qatt." Kienu siegħa neqsin kwart ta' wara nofs in-nhar meta ajruplan fit-triqtu lejn l-Ingilterra ġġarraf lejn l-inħawi tan-Nigret.
L-ajruplan tat-tip Avro York G-ANSY telaq mil-mitjar ta' Ħal Luqa fit-triqtu lejn l-ajruport ta' Stansted ġewwa Londra. Abbord dan l-ajruplan kien hemm 5 membri ta' l-ekwippaġġ u 45 passiġier. Il-passiġġieri abbord dan l-ajruplan kienu kollha jagħmlu parti mis-servizzi Ingliżi u kienu sejrin lura pajjiżhom wara li wetqu s-serviz tagħhom ġewwa z-zona tal-Kanal ta' Swejz ġewwa l-Eġittu (Camilleri, 2006)
L-Avro York, tad-ditta Scottish Airlines, ħalla l-ajruport ta' Ħal Luqa għall-ħabta tal-12:23 ta' wara nofs in-nhar wara li ħa l-provissti neċessarji għall-vjaġġ tiegħu (Flight Safety Foundation, nd). Waqt li kien qiegħed jieħu l-ġirja tiegħu fuq ir-run way sabiex ikun jista' jinqata' mil-art u jibda' l-vjaġġ tiegħu, duħħan iswed deher ħiereġ minn waħda mill-magni tan-naħa tax-xellug ta' dan l-ajruplan (Camilleri, 2006).
Minkejja l-fatt li l-ajruplan irnexxielu jinqata' mill-art u jitla' għoli ta' madwar 200 pied, dan beda jitlef is-saħħa u jinżel għal isfel hekk kif wasal fl-inħawi Ta' Kandja, limit ta' l-Imqabba. Il-Kaptan, Frank Coker, tiegħu rrnexxielu jtellgħu għoli ta' elf pied, iżda minnufih l-Avro York bed jdur lejn il-lemin u bil-mod beda' niżel dritt lejn l-art. Dan l-ajruplan inħakem minn nirien kbar hekk kif beda jitkaxkar fuq l-irdum ta' Wied iż-Żurrieq, u spiċċa biex jieqaf ġo għalqa bejn il-gibjun (inħawi tan-Nigret) u Wied iż-Żurrieq (Camilleri, 2006)
Numru ta' sireni bdew jistemgħu jdoqqu hekk kif għadd ta' pumpieri tat-tifi tan-nar tar-Royal Air Force u tal-Pulizija Maltija bdew jaslu fuq il-post bl-għan li jiknotrolaw u eventwalment jitfu n-nirien. Flimkien ma' dawn, wasal fuq il-post helicopter tar-Royal Navy, HMS Falcon, li kien moni b'tabib kif ukoll b'appat tat-tifi tan-nar, fosthom 500 gallum ilma u xi foam (Camilleri, 2006)
Numru ta' ħaddiema tas-servizzi Inglizi, kif ukoll xi membri tal-US Navy, li f'dawk iż-żminijiet kellha bażi f'Ħal Far, bdew jaslu fuq il-post bl-għan li jaqilgħu l-passiġieri u l-ekwipaġġ ta' l-ajruplan minn got-tifrik. Iżda b'xorti ħażina, in-nar li ħaken l-ajruplan kien tant qawwi li n-nies abbort sfaw kollha mejta, uħud qas jintarfu bin-nar li ħakimhom. Il-ħidma biex il-katavri jinqalgħu minn ġot-tifrik kienet waħda kemxejn impenjattiva tant li l-aħħar katavru nħareġ 24 siegħa wara li sar l-inċident. Dan seħħ minħabba l-fatt li l-post ta' fejn ġrat id-disgrazzja hu diffiċli ħafna biex jintleħaq. Dawn il-katavri ġew mqiegħda ġo għalqa fil-viċin (Camilleri, 2006)
L-għola awtoritajiet tal-pajjiż żaru dan il-post tad-disgrazja b'sinjal ta' rispett lejn il-vittmi. Fost dawn l-awtoritajiet kien hemm il-Gveratur Sir T. Robert Loycock, id-Direttur ta' l-Avjazzjoni Civili G Smith u l-Prim Ministru ta' Malta Dom Mintof kif ukoll xi membri tal-kabinet. Il-Gvern Malti rċieva wkoll kondoljanzi minn għandir-Regina Elizabetta II (Camilleri, 2006).
L-inkjesta ta' l-inċident saret mill-Magistrat J. Formosa. Ftit siegħat wara l-waqgħa tal-Avro York, waslu pajjiżna xi uffiċjali għolja Ingliżi li kienu mtbagħtu apposta biex jieħdu ħsieb l-investigazjoni ta' dan l-inċident, u jsibu l-kawżi li kienu waslu għalih. Dawn l-investigaturi kienu TR Nelson u J. Goulding mill-fergħa għall-Investigazzjonijiet tal-inċidenti fi ħdan l-MTCA (Camilleri, 2006).
F'dawk iż-żminijiet, dan kien l-għar incident ta' l-ajru li nvolva ajruplan tat-tip Avro York, u dan il-fatt baqa relevanti sal-lum. Barra minn hekk, dan l-inżident hu t-tieni l-ghar wiehed li qatt raw il-gżejjer tagħna. (Flight Safety Foundation, nd).
Xi vittmi ta' dan l-inċident, fosthom il-kaptan Coker, ġew midfuna ġoċ-ċimiterju tas-servizzi Ingliżi fl-Imtarfa wara li saretihom ċerimonja mill-isbaħ. Il-bqija tal-katavri ttieħdu l-Ingilterra għad-difna (Camilleri, 2006).
Referenzi:
Camilleri, A. (2006.). Il-waqgħa ta' l-Ajruplan 'Avro York' fuq iż-Żurrieq. Madonna tal-Karmnu Zurrieq festa 2006. Għaqda mużikali Queen Victoria, Żurrieq.
Flight Safety Foundation (n.d.). Aviation Saftey Network. Available at http://aviationsafety.net/database/record.php?id=19560218-0, Accessed on 21st July, 2010.

L-Aħħar Kummenti (Forum)
34 weeks 3 days ago
36 weeks 5 days ago
38 weeks 21 hours ago
1 year 14 weeks ago
1 year 14 weeks ago
1 year 20 weeks ago
1 year 21 weeks ago
1 year 21 weeks ago
1 year 23 weeks ago
2 years 4 days ago