2a. It-23 ta’ Lulju ta’ l-1942 u l-Knisja taż-Żurrieq fit-Tieni Gwerra Mondjali (miktub bil-Malti)

Kitba ta' C. Rolé

 

Is-sirena ta' l-'air raid' bdiet iddoqq, u waqt li l-attakki ħorox mill-ajru kienu jwerwru l-gżejjer Maltin, il-poplu Malti kien ifittex il-kenn ġewwa x-xelters mudlama, imbeżżgħin mill-ħruxija ta' l-għadu u bit-tama f'Alla, fil-Madonna u l-qaddisin, li l-qilla ta' l-għadu tistabar u terġa' tiġi l-paċi. Min jaf kemm-il demgħa ħakmet il-wiċċ ta' l-omm meta tisma' l-aħbar li tilfet lil binha jew lil żewġha, l-unika mezz ta' għejxien għall-familja.

 

Il-gwerra ma kkawżatx tixrid ta' demm biss imma kienet anki l-kawża tat-tiġrif ta' għadd ta' postijiet, fosthom dawk b'valur storiku. Minn barra l-mibki Teatru Rjali u l-Bereġ ta' żmien il-Kavallieri ta' l-Ordni ta' San Ġwann, ħafna knejjes spiċċaw imġarfa. Fost il-knejjes milqutgħa jissemmew il-knisja ta' San Pupuliju, tat-Trinita' il-Marsa u dawk fl-akwati tal-Port il-Kbir. Il-knisja taż-Żurrieq ma kinietx inqas u għalkemm l-ammont ta' ħsara kumparat ma' knejjes oħra kien żgħir, xorta waħda ħalliet marka f' l-istorja tar-raħal.

 

Huwa maruf li lejn l-aħħar tas-sena 1941, il-knisja ġarfet ħsara fil-ħġieġ tat-twieqi li jagħmlu parti mill-koppla. Dan seħħ kawża ta' bomba li waqgħat fl-inħawi. L-arċipriet Ghigo għalhekk ta l-ordni li jiġu mbarrati t-twieqi bi twavel ta' l-injam sabiex ikunu jifilħu għall-blast tal-bombi (Mangion & Zerafa, 1989). Dawn it-twieqi ġew eventwalment mibdula wara l-gwerra mill-mastrudaxxa Ġużeppi Xuereb (Xuereb, 2010).

 

Fit-tlieta u għoxrin ta' Lulju ta' l-1942, l-knisja qalgħat daqqa ta' ħarta. Leonard Sacco, Manwel Grixti u Dun Salv Farruġia, jirrakuntaw li bomba ntlemħet titgerbeb għal wara l-knisja. Din il-bomba ħabtet mall-ħajt biswit il-kamra ta' l-arkivju li jinsab wara s-sagristija ta' l-artal tal-kurċifiss u għamlet xi ħsarat mal-ħajt li kien jagħti fuq il-ġnien tal-familja Buġeja. Fl-istess inċident huwa rrapurtat li nkisser bankun ta' l-injam tal-fratellanza tas-Sagrament, li fih kien hemm ammont ta' torċi użati mill-istess fratellanza. Iktar tard matul il-jum, is-sirena ta' l-'air raid' reġgħet semmet leħinha u waqt dan l-attakk iġġarfet dar fi triq San Mikiel. Lis-'special constable' Salvatore Zammit mar jispezzjona t-tiġrif li ġarfet din id-dar u wara baqa' sejjer lejn is-sagristija tal-Knisja, akkumpanjat minn Dun Ġużepp Zammit Psaila u Dun Ġużepp Cuschieri. Hekk malli waslu fuq il-post, dawn lemħu numru ta' nies sekulari inaddfu t-tiġrif. Fost in-nies preżenti fis-sagristija, huwa magħruf li kien hemm Toninu Gauci, Ġużeppi Saydon l-ispiżjar u Ġużeppi Xuereb. Preżenti wkoll josservaw l-operazzjoni tat-tindif kien hemm Dun Ġużepp Zammit Falzon u Salvatore Farrugia (Mangion & Zerafa, 1989).

 

Waqt din il-ħidma ta' tindif, wieħed mit-tfal tal-familja Bugeja informa lin-nies preżenti li fil-ġnejna tad-dar tagħhom kien hemm bomba (Mangion & Zerafa, 2010). Peress li kienet bomba tal-ħin, din ma sploditx ma' l-impatt pero' sfortunatament ħadet wara ċertu ammont ta' ħin (Berqa, 1942).  L-aħbar tat-tifel bilkemm kienet waslet f'widnejn kulħadd meta l-bomba splodiet u ġarfet is-sagristija kif ukoll is-saqaf ta' l-Osswarju l-kbir (Mangion & Zerafa, 1989). Din l-aħbar ġiet rrapurtata anka fil-gazzetta l-Berqa nhar it-tmienja u għoxrin ta' l-istess xahar, u bir-raġun għax f'din il-ġrajja tilfu ħajjithom għaxra minn nies. Fost il-mejtin kien hemm Dun Ġużepp Cuschieri (tlieta u sittin sena), Dun Ġużepp Zammit Psaila (tlieta u sittin sena), Ġużè Saydon (sitta u erbgħin sena), Salvu Zammit (sitta u ħamsin sena) u Toni Gauci (ħamsa u sittin sena) (Berqa, 1942). Mal-mejtin jissemmew ukoll Katerina Bugeja (tlettax-il sena) u oħtha Ġiovanna (ħdax-il sena) (Mangion & Zerafa, 1989) u t-tarbija ta' Ġuża Bondin, Josephine li kellha biss għaxar xhur (Mizzi, 2002). Fl-istess ġurnata miet ukoll Carmel Ellul (sebgħin sena). Mhux ta' b'xejn mela Remig Sacco iqis Lulju ta' l-1942 bħala 'x-xahar ta' l-akbar straġi fiż-Żurrieq!' (Sacco, 2002).

 

Ġuża Bondin fil-ktieb ta' Laurence Mizzi tirrakontalna iktar dettalji fuq dan l-avveniment. Hi tgħidilna li waqt li kienet fi triqtha lejn il-ħanut tal-merċa fi triq San Mikiel sabiex takkwista r-raxin tal-ħalib għat-tarbija tagħha, bħas-soltu waqfet ssellem lil missierha li kien jaħdem ta' skarpan. Eżatt kif daret il-kantuniera seħħet l-isplużjoni, u sabiex tipproteġi t-tarbija, Ġuża ddeċidiet li tistkenn ġo bieb bit-tarbijja ġo ħoġorha. Dan għaliex kif tirrakonta hi, bħal xita ta' ġebel kienet nieżla fit-triq. Sfortunatament t-tarbija xorta ġiet milquta f'rasha u mietet id-dar. Ġuża b'sobgħa kbira tgħid ukoll li ma kelliex flus biex tikri l-karettun tal-mejtin u biex tixtri tebut, għalhekk ma tafx fejn hu l-qabar ta' bintha (Mizzi, 2002).

 

Fit-tlieta u għoxrin ta' Lulju b'miraklu ħelsuha ħafif Dun Ġużepp Zammit Falzon u Salvu Farrugia li sabu ruħhom mirduma qalb l-għadam ta' l-Osswarju (Mangion and Zerafa, 1989) kif ukoll Ġużeppi Xuereb li sab ru]u taħt bankun tax-xemgħa li kien qed iserraħ minn naħa fuq kantun u minn naħa l-oħra fuq sieħbu l-ispiżjar (Xuereb, 2010). Kawża ta' l-isplużjoni ġġarfu wkoll l-kmamar ta' fuq is-sagristija fejn kien u g]adu jintrefa' l-armar tal-knisja kif ukoll it-teżori tal-fratellanzi. Fost it-teżori tal-Knisja kien hemm l-apparat pontifikali li jintuża fil-festa ta' Santa Katerina u li kien merfugħ fit-tilar il-kbir. Ma' l-isplużjoni dan it-tilar baqa' nieżel fit-terrapien u nkisser. B'miraklu l-apparat pontifikali, għalkemm waqa' fuq it-terrapien la nqasam u lanqas iċċarrat g]alkemm il-bellus inħataf u nħaraq (Mangion & Zerafa, 1989).  Il-bellus tant iġġarraf li sar fraġli ħafna u faċilment jitqatta' b' l-użu jew b' l-immaniġġjar (Xuereb, 2007).

 

Konsegwenza ta' l-isplużżjoni ġġarfu wkoll l-lopop ndurati tat-tużell u tal-lampier il-Kbir flimkien mas-sopraporti li jintramaw fil-kappelluni, li kienu ma]duma minn Manwel Buhagiar. Ġew effettwati wkoll l-ventartali, l-lampier il-kbir tal-fidda u l-orgni l-antik. Anthony Magion jgħidilna wkoll li ġġarraf l-inkwatru l-qadim tar-Rużarju u saret ħsara kbira f'l-induratura u d-dekorazzjoni li kienet għadha kif iżżanżnet fil-koppla tal-kor. Huwa magħruf li saret ħsara wkoll lill-koppla l-kbira (Mangion & Zerafa, 1989).

 

Kif ġriet l-aħbar ta' l-isplużżjoni, kienu bosta dawk ż-żrieraq li rħewla lejn il-knisja. Iktar tard matul il-jum, żar il-post ukoll l-isqof ta' dak iż-żmien, Mauro Caruana. Minn qalb it-tifrik l-ewwel inqala' l-apparat pontifikali u wara nħareġ l-bqija ta' l-armar. L-iġsma tal-vittmi ttieħdu temporanjamanet fis-sagristija tal-qassisin (Mangion & Zerafa, 1989).

 

Il-festi fi żmien il-gwerra wkoll żew affettwati. Sabiex jipproteġu l-istatwa titulari ta' Santa Katerina V.M., huwa magħruf li minflok kienet tintrafa' fin-niċċa tagħha kif nafuha aħna ħdejn il-bieb tal-knisja, kienet tinżamm fis-sagristija faċċata tal-bieb li jagħti għal ħdejn l-orgni (Xuereb, 2010). Il-festa titulari xorta waħda baqgħet issir, però kienet ti[i ċċelebrata taħt forma ta' pellegrinaġġ u fuq skala iżgħar. Il-festa kienet issir fil-ġurnata tagħha ċioé fil-ħamsa u għoxrin ta' Novembru. Il-festi l-oħra, fosthom dik tal-Madonna tal-Karmnu wkoll baqgħu jsiru kif inhu rrapurtat fil-gazzetta Leħen is-Sewwa (Leħen is-Sewwa, 1942).

 

Fit-tmienja ta' Mejju ta' l-1943, l-qniepen tal-knejjes, fosthom taż-Żurrieq, li kienu wieqfa tul il-gwerra daqqew moti twal ta'ringrazzjament għar-rebħa tal-forzi alleati f'Tuneż u Bizerta. Tajjeb ingħidu li fil-ħdax ta' Jannar ta' l-1942, il-knisja taż-Żurrieq, bħal kull knisja oħra, natgħat l-ordni biex ma tibqgħax iddoqq il-qniepen mas-sinjal 'all clear'. Ma' dana kollu, il-qniepen kienu jindaqqu meta kien ikun mistenni xi attakk ġenerali. Nhar is-sibt disgħa u għoxrin ta' Mejju 1943, il-Knisja ngħatat il-permess li ddoqq il-qniepen fit-tmienja ta' fil-għodu, f'nofsinhar u fis-sebgħa u kwart ta' fil-għaxija. Dawn il-moti ma setgħux ikunu itwal minn tliet minuti kull darba sabiex il-poplu ma jaħsibx li kienu qed jindaqqu minħabba xi manuvri mill-għadu. Ir-restrizzjonijiet fuq id-daqq tal-qniepen tneħħew għal kollox fid-dsatax t'Awissu ta' l-1943 (Sacco, 2002).

 

Meta spiċċat il-gwerra, kollox beda' ġej ftit ftit għan-normal u ż-Żurrieq beda' jerġa' jieħu l-ħajja. T-telfa ta' dawk li ħallew ħajjithom frott tal-gwerra llum hija mfakkra permezz tal-monument li għandna fil-pjazza mal-ħajt tal-knisja. Bħala żrieraq għandna nuru apprezzament lejn ħutna li mietu u oħrajn li ndarrbu sabiex salvaw it-teżori tal-knisja tagħna.   

 

Referenzi:

 

Il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq. (1942, Lulju 24) Leħen is-Sewwa, p. 2.

Informazzjoni minn Carmelo Xuereb.

Mangion, A., & Zerafa, K. (1989). Santa Katerina: il-festa u s-soċjetà mużikali tagħha fiż-Żurrieq. Valletta (Malta): Peresso Printing Press.

Mizzi, L. (2002). The people's war: Malta 1940-1943. Valletta (Malta): Progress Press Co. Ltd.

Sacco, R. (2002). Iż-Żurrieq kif għextu jien 1922-1945. Marsa (Malta): Union Print Co. Ltd.

Xuereb, C. (2007). The creation of a church museum at Żurrieq: a tourism potential for the south. Unpublished B.A. (Hons) Tourism Studies dissertation, Faculty of Economics, Management & Accountancy, University of Malta.

Vittmi tal-kefrija nazi waqt ħbit għal t'apposta fuq il-Knisja taż-Żurrieq. (1942, Lulju 28). Berqa, p. 2.


« February 2012 »
MonTueWedThuFriSatSun
12345
6789101112
13141516171819
20212223242526
272829

Bookmark Us

Bookmark Website 

Bookmark Page 

Votazzjoni

Tinteressak il-hidma li issir fil-parrocca?:

L-Aħħar Kummenti (Forum)