1a. Ġrajjiet iż-Żurrieq fil-qosor (miktub bil-Malti)

Kitba ta' C.Rolé

 

Iż-Żurrieq huwa raħal fil-kampanja tan-nofsinhar ta' Malta. Il-limiti tal-parroċċa taż-Żurrieq jestendu mit-truf tal-Qrendi u ta' l-Imqabba sat-truf ta' Ħal Kirkop u minn mal-Gudja jibqgħu neżlin sal-limiti ta' Birżebbuġa. Għalkemm il-parroċċa tħaddan estensjoni kbira ta' art, li tinkludi l-pjanura ta' Ħal Millieri u Ħal Far bil-kampanja kollha, u n-naħiet wiesgħa ta' Bubaqra, dawn il-limiti kienu wisq akbar fl-1618. (Guillaumier, 1987)

 

Ir-raħal kif nafuh illum aktarx li beda jiżviluppa wara s-seklu ħdax. Il-kampanja tiegħu keinet maħduma ġà minn sekli qabel, hekk li l-witja ta' Ħal Millieri għadha taħbi ċentru aġrikolu Ruman li għadu qatt ma' ġie skavat. Fil-medjuevu bikri, għall-ħabta tas-sekli tnax - erbatax, f'dawn l-inħawi nibtu numru kbir ta' ċentri ta' djar li minnhom sal-1400 kien fadal biss iż-Żurrieq, il-Qrendi, Ħal Millieri, Ħal Manin, Ħal Lew, Bubaqra u Ħal Far. Sa l-1700, dawn l-irħula rriduċew ruħhom għall-Qrendi, iż-Żurrieq u d-djar ta' Bubaqra. (Guillaumier, 1987)

 

Tul il-ħakma ta' l-Ordni ta' San Ġwann, iż-Żurrieq mexa l-quddiem ħafna, fosthom bil-bini ta' palazzi, ta' difiża u ta' progress soċjali. Fis-seklu sbatax nbnew t-torri ta' Bubaqra u l-armerija u fis-seklu tmintax inbnew il-palazz tan-Nigret u numru sabiħ ta' djar kbar. Il-Gran Mastru Lascaris huwa magħruf għall-bini tat-torri ta' Wied iż-Żurrieq, waqt li De Redin bena dawk ta' Ħamrija, tal-Wardija u ta' Bengħisa. L-Università  bniet ukoll minn flusha torri ġo Wied Znuber, fil-waqt li fis-seklu tmintax żdiedu t-trunċieri kbar ta' l-inġinier Marando fuq tifsija tal-pjan ta' Vendome. Il-Kavallieri bnew ukoll numru ta' mtieħen biex jagħmlu tajjeb għall-bini tas-swar, fosthom waħda tal-fondazzjoni Cottoner u l-oħra tal-fondarijani Vilhena. Dawn jinsabu t-tnejn li huma fin-Nigret. Xi kavallieri li għexu fiż-Żurrieq jinkludu il-pittur Mattia Preti, Gakbu de Togares, Rovero de Guarena kif ukoll il-Gran Mastri Reffaele Cottoner u Zondadari  (Guillaumier, 1987).

 

Skond l-istoriku G. F. Abela, l-inħawi taż-Żurrieq kienu magħrufa fil-passat għall-industrija tat-twapet, mantelli u ġwielaq, li kienu mfittxija minn kull Malti. Abela jsemmi wkoll li n-nies taż-Żurrieq kien mfittxija għax-xogħol li kienu jagħmlu fil-fuħħar mingħajr l-użu ta l-hekk msejħa rota. Tajjeb ngħajdu li minħabba l-arja friska taż-Żurrieq, kienu bosta dawk il-morda li kienu jiddeċċiedu jiġu jgħixu f'dan ir-raħal (Terrribile, 2004)

 

Referenzi:

 

Guillaumier, A. (Ed) (1987). Iż-Żurrieq f'Bliet u Rħula Maltin. 35, (pp. 953 - 971). Valletta: Valletta Publishing and Promotions Co Ltd.

Terribile, T. (2004).  Teżori fil-knejjes Maltin: Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi u ż-Żurrieq.  Pietà: Publikazzjonijiet Indipendenza.

 


« February 2012 »
MonTueWedThuFriSatSun
12345
6789101112
13141516171819
20212223242526
272829

Bookmark Us

Bookmark Website 

Bookmark Page 

Votazzjoni

Tinteressak il-hidma li issir fil-parrocca?:

L-Aħħar Kummenti (Forum)