9a. Il-qima lejn San Ġużepp ġewwa ż-Żurrieq (Miktub bil-Malti)

Kitba ta' C. Rolé

                           

Il-parroċċa tagħna hija mżejna b'numru ta' festi sekondarji, fosthom dik ta' San Ġużepp. Din il-festa tagħraf il-bidu tagħha madwar żewġ sekli u nofs ilu permezz tal-benefattur kbir tal-knisja tagħna Dun Giuseppe Testaferrata (1673-1745). Fit-testment tiegħu flimkien ma' tlett kodiċilli, Dun Gużepp ħalla l-wirt kollu tiegħu lill-knisja taż-Żurrieq, fosthom bosta artijiet sabiex jiġu amministrati bħala fedekommess mill-Knisja tagħna. Fit-testment tiegħu, Dun Gużepp obbliga li ta' kull sena tibda tiġi ċċelebrata l-festa ta' San Ġużepp nhar id-19 ta' Marzu. Testaferrata kiteb fit-testment tiegħu li l-festa kellha tikkonsisti fil-kant tal-prim vespri lejliet il-festa flimkien ma' quddiesa kantata bil-ministri f'nhar il-festa. Dun Ġuzepp xtaq ukoll li kemm f'lejliet kif ukoll f'nhar il-festa jintuża l-orgni li kien għadu kif inxtara (maħdum minn Donato del Piano). Flimkien ma' dawn l-obbligi, Testaferrata xtaq ukoll li meta jintrama' l-lampier il-kbir tal-fidda (li kien ukoll moghti minn dan il-qassis), il-lampier il-qadim kellu f'dawn l-okkażjonijiet jintrama' quddiem ix-xbieha tal-qaddis (Mangion, 1999).

 

Il-festa ta' San Ġużepp f'Marzu kienet issir fejn illum hemm l-artal Kurċifiss Mqaddes. Dan l-artal fi żmien Testaferra kien iddedikat lill-Madonna tar-Rużarju u fuqu kien hemm ukoll armat sotto-kwadru li kien juri lil San Ġużepp iħaddan lill-Bambin Ġesù. Dan il-kwadru jissemma għall-ewwel darba fid-dokumenti tal-knisja fl-1747, waqt it-tielet vista pastorali ta' l-Isqof Alpheran. Aktarx li dan il-kwadru ġie impitter mill-pittur famuż Francesco Zahra li ħalla bosta opri sbieħ li għadhom jitgawdu fil-knisja tagħna sal-ġurnata tal-llum u probabilment l-ispejjeż marbutin ma' dan is-sotto kwadru ġew imħallsa minn Dun Ġużepp Testaferrata. Madanakollu dan il-fatt għadu s'issa mhux ċar. Wieħed għadu jista' jgawdi dan il-kwadru fuq l-artal tat-Trinità qaddisa, ġewwa l-knisja arċipretali (Mangion, 1999).    

 

Matul iż-żmien, il-qima lejn dan il-qaddis kompliet tikber, tant li qabel il-festa tal-Patronċinju f'Marzu bdiet tiġi ċċelebrata wkoll Novena bħala preparazzjoni għall-festa Permezz tal-ħidma siewja tal-kappillan Dun Ġużepp Agius (1766-1792), il-parroċċa setgħet twaqqaf xirka jew fratellanza ta' devoti ta' San Ġużepp. Dan sar permezz ta' rikors lill-Kurja li kien iffirmat minn erbgħa u għoxrin Żurrieqi f'isem bosta devoti Ġużeppini. Dan ir-rikors sar fit-12 ta'April tal-1779 u ġie approvat mill-Kurja fit-12 ta' Mejju tal-istess sena fuq il-firma tal-vigarju il-Kanonku Gaetano Grech li dak iż-żmien kien qed jaqdi d-dmir ta' 'locum tenens' fin-nuqqas ta' l-Isqof Pellerano. Sentejn wara, il-fratellanza saret ukoll affiljata ma' l-Arcikonfraternità ta' San Ġużepp f'Ruma. Dan sar permezz ta' bolli li ħarġu minn Ruma fis-sena 1781 u ġew preżentati u reġistrati  l-Kurja ta' Malta fis-sena 1782 sforz il-ħidma ta' Dun Indrin Magri. Dokumenti storiċi juru li il-mazzetta ċelesti li tintlibes mill-fratelli ta' San Ġużepp kienet ġa stabilita bħala d-distintiv tal-fratellanza sa mill-1783 (Arkivju Parrokkjali Żurrieq, 1860). 

 

Il-Knisja tagħna hija mżejna bi statwa ta' San Ġużepp mill-isbaħ. Din l-istatwa setgħet issir permezz tal-kontribut finanzjarju tal-benefattur Dun Ġużepp Spiteri, li ħalla wkoll l-kera ta' bosta bini sabiex fosthom jitħalsu l-ispejjeż assoċjati man-Novena u l-festa ta' San Ġużepp. Permezz tal-prokuratur tiegħu il-Kappillan Dun Carlo De Giovanni Inglott, Dun Ġużepp Spiteri għamel ftehim ma' l-iskultur Mariano Gerada sabiex dan jiskolpi statwa fl-injam ta' San Ġużepp li kellha titlesta sa għaxart ijiem qabel il-festa tal-1823. Il-kuntratt sar għand in-nutar Pietru Pawl Farrugia nhar it-30 ta' Ġunju 1822 u kien jinkludi barra l-istatwa, pittura, indoratura, bradella, pedistall, lasti u xi xogħolijiet oħra. Dan ix-xogħol kellu jiswa' lil Dun Ġużepp Spiteri s-somma ta' 500 skud.  Mariano Gerada ippreżenta abbozz ta' l-istatwa lill-Kappillan de Giovanni imma sfortunatament miet qabel ma laħaq lesta l-istatwa. Dun Ġużepp Spiteri ukoll miet qabel ma tlestiet l-istatwa u b'hekk il-proġett tkompla permezz tal-werriet tiegħu Dun Franġisk Bonnici li kien il-prokuratur tal-Knisja f'dak iż-żmien. L-istatwa inħadmet mill-iskultur Vincenzo Dimech għalkemm mhuwiex magħruf jekk Dimech kompliex fuq ix-xogħol ta' Gerada jew bediex statwa oħra mill-gdid. L-istatwa kienet lesta qabel il-festa ta' l-1824 u nġiebet mill-Belt nhar l-14 ta' Marzu. L-istatwa turi lil-San Ġużepp bil-Bambin fi ħdanu u turi l-kapaċità ta' dan l-iskultur famuż. Matul iż-żmien saru xi modifikazzjonijiet fuq l-istatwa. Fosthom, fl-1926 fi żmien il-prokuratur Dun Ġużepp Zammit Falzon u r-rettur Vincenzo Grixti, l-istatwa ġiet żgraffjata u ndurata minn Francesco Coleiro. Fl-istess żmien sar ukoll xi tibdil fl-istatwa fin-naħa t'isfel tal-panneġġ (Mangion, 1999).

 

Il-festa ta' San Ġużepp minn dejjem kienet tiġi ċċelebrata b'mod solenni u xi dokumenti fl-arkivju tal-Knisja juruna li kienu jintużaw ukoll xi suffarelli u murtali waqt iċ-ċelebrazzjonijiet esterni (Arkivju Parrokkjali Żurrieq 1860).  Sa ftit snin ilu, il-festa kienet tiġi ċċelebrata bil-primi u s-sekondi vespri, bil-kant tal-matutin u l-lawdi, kif ukoll il-quddiesa kantata kienet tkun bil-paniġierku. Fit-tieni nofs tas-seklu 19, il-festa ta' San Ġużepp ma baqatx issir f'Marzu iżda bdiet tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta' Mejju (Mangion, 1999).

 

Il-fratellanza ta' San Ġużepp hija mżejna b'bosta opri artistiċi mill-isbaħ, fosthom insibu diversi xogħolijiet maħdumin fil-fidda bħal-lanterni, il-kannoli tal-lasta tal-istandart il-prim u il-medaljun tar-rettur. Jispikka wkoll lis-standard il-prim, li jintuza fil-festi ta' San Ġużepp, Corpus u nhar il-festa ta' Santa Katerina (Mangion, 1999).  

 

Referenzi:

 

Arikivju Parrokkjali taż-Żurrieq (1869). Conf. S. Guiseppe 1783 - 1860.

Mangion, A. (1999.). Il-Qima lejn il-patrijarka San Ġużepp fil-Knisja arċipretali taż-Żurrieq. Madonna tal-Karmnu Żurrieq festa 1999. Qrendi (Malta): Bestprint Ltd


« February 2012 »
MonTueWedThuFriSatSun
12345
6789101112
13141516171819
20212223242526
272829

Bookmark Us

Bookmark Website 

Bookmark Page 

Votazzjoni

Tinteressak il-hidma li issir fil-parrocca?:

L-Aħħar Kummenti (Forum)