Kitba ta' C. Rolé
Fil-Knisja ta' Santa Katerina ġewwa ż-Żurrieq, insibu statwa ċkejkna u ħelwa tal-Madonna ta' Fatima. Din l-istatwa nħadmet ġewwa l-Portugal u waslet f'Malta nhar is-16 ta' Marzu, 1952.
Lejn aħħar tas-snin 40, il-Kappillan ta' Ħal Kirkop, ir-Rev. Michael Spiteri, siefer Bolzano, l-Italja biex jordna statwa tal-Madonna ta' Fatima minn għand l-iskultur Stufflesser. Meta sema' b'dan, l-Arcipriet taż-Żurrieq, ir-Rev. Salvatore Gauci, ikkumisjonah biex jara kemm tiġi tiswa statwa daqs dik li kienu ser jagħmlu Ħal Kirkop u li kienet replika eżatta bħal dik li hemm ġewwa Fatima. Meta ġie lura miż-żjara tiegħu ġewwa Bolzano, l-Kappillan ta' Ħal Kirkop, informa l-Arcipriet taż-Żurrieq li statwa ta' dak id-daqs u l-għamla kienet ser tiġi tiswa 27 lira sterlina, barra t-trasport tagħha. Iżda l-Arċipriet taż-Żurrieq xtaq li din l-istatwa tkun xi ħaġa aħjar minn dik li kien iddeskrivilu r-Rev. Michael Spiteri u għalhekk l-istorja waqfet hemm.
Intant, fix-xahar ta' Mejju, kienet issir il-festa tal-Madonna ta' Fatima, akkupanjata mit-tfal tar-raħar. Minħabba l-fatt li fiż-Żurrieq ma kienx hawn statwa tal-Madonna ta' Fatima, ir-raħal kien jissellef waħda minn xi raħal ieħor. Għalhekk, il-ħsieb li tinxtara statwa tal-Madonna ta' Fatima, baqa' dejjem iberren f'moħħ l-Arċipriet tar-raħal u dawk li kellhom għal qalbhom din il-festa.
Għal bidu tas-sena 1951, l-Arċipriet Gauci marad serjament, u għalhekk kellu jgħoqod irtirat għal żmien twil. Madanakollu, xorta waħda żamm il-kariga tiegħu bħala Arċipriet. Guiseppe Gavà, wieħed minn dawk li kellhom għal qalbhom ħafna l-festa tal-Madonna ta' Fatima kien ta' sikwiet immur iżur lil Arċipriet u meta semmielu l-purċissjoni tat-tfal, l-Arċipriet reġa' wrieħ ix-xewqa li jagħmlu din l-istatwa. Għaddew xi jiem minn din iż-żjara u l-istess Gavà reġa' mar iżur l-Arċipriet fejn infurmah li kien hemm żewġ persuni mir-raħal li kienu lesti jħalsu l-istatwa huma, diment li l-ispejjes ma jitilawx iktar minn 50 lira sterlina. Għaldaqstant, l-Arċipriet ikkumisjona lil Guiseppe Gavà flimkien ma' Dun Pawl Farrugia, biex isibu l-indirizz ta' l-iskultur li kien għamel l-istatwa tal-Madonna ta' Fatima li dak iż-żmien kienet iddur minn raħal għal raħal. l-intenzjoni ta' l-Arċipriet kienet dik li jikkumisjona din l-istatwa għand l-istess skultur.
Wara ħafna riċerki, Guiseppe Gavà u Dun Pawl Farrugia sabu l-isem u l-indirizz ta' dan l-iskultur u fl-24 ta' Mejju, 1951, batu ittra lil Josì Ferriera Thedìm, Escultor, Casa Thedim, Quinta da Vela Vista, S. Mamede de Coronado, Portugal. Lejn l-aħħar ta' l-istess xahar, Gavà u Dun Farrugia rċivew ittra minn għand in-neputija ta' l-iskultur fejn infurmathom li zijuha kien qiegħed New York, però hi kienet ser tibatlu l-ittra tagħhom hemm hekk. Infatti, għal nofs Ġunju, waslet ittra minn New York, miktuba bil-Portugiz li kienet tgħid hekk:
"Statwa tas-Sinjura ta' Fatima, ugwali għal dik li hija venerata fil-Kappella tal-Apparizjoni maħduma minni, twila b'kollox 1.02 metri, maħduma fl-injam taċ-ċedru tal-Brażil, skultura u pittura fina tiswa £ 85. Jekk tixtiequ l-kuruna tal-filigranu indurata u mżejna bil-ħagar, tiswa £ 35. Il-kaxxa, l-imballaġ u t-transport sa Malta jiswew madwar £ 14."
Minkejja l-fatt li l-Arċipriet kien għadu marid, hu ġie nfurmat b'dak kollu li kien qiegħed jiġri fuq din l-biċċa xogħol. Meta Gavà infurmah bir-risposta li kien tagħhom Thedim, l-Arċipriet ħeġġu biex ikellem lil Carmela Camilleri, mart Emanuel Camilleri ta' Psajla . Camilleri, li dak iż-żmien kien qiegħed l-Isvizzera, għarraf lill-Arċipriet li martu kellha x-xewqa li tagħmel statwa tal-Madonna ta' Fatima biex tkompli wegħda li kienet għamlet. Wara li Gavà avvicina lil Camilleri, ġie konkluz li Camilleri kellha tagħmel din l-istatwa bl-għajnuna ta' xi kontributuri oħra.
Għaldaqstant, fis-16 ta' Lulju 1951, ntbagħtet ittra lil Thedim fejn intalbet informazzjoni dwar kemm iddum ma tkun lesta din l-istatwa kif ukoll kif kellu jsir il-ħlass jekk din l-istatwa tiġi ordnata bla kuruna. Waqt li kienu qegħedin jistennew rispost minn għand Thedim, Gavà u Dun Farrugia tefgħu applikazzjoni mal-Ministeru tal-Industija biex il-knisja tiġi eżentata mid-dwana relatata ma' din l-istatwa. Saret ukoll "import license" biex din l-istatwa tkun tista' tidaħħal ġew pajjiżna. Ir-risposta ta' din l-applikazzjoni waslet fil-25 ta' Ottubru ta' l-1951 fejn ġew infurmati li l-Gvernatur kien naqqas 25% tad-dazju li kellu jitħallas fuq din l-istatwa.
Għal ħabta ta' nofs Awwissu ta' l-istess sena, Thedim bagħat ittra lil Gavà fejn fiha nfurmah li l-istatwa bla kuruna kienet lesta u ġiet imbierka mill-Isqof ta' Fatima, Don Joseph Alves, innifsu. Thedim żied ukoll li din l-istatwa kellha tasal f'Malta fi żmien xahar. Ħmistax wara, Gavà irċieva ittra oħra fejn Thedim infurmah li l-istatwa kienet għand l-arġentier tiegħu ġewwa Lisbona u kienet lesta biex taqbad triqtha lejn Malta.
Għaddew xaharejn u l-istatwa baqgħet ma waslitx. Għalhekk, intbatet ittra lil Thedim jistaqsuh ir-raġuni għalfejn din l-istatwa kienet għada ma waslitx. Iżda Thedim ma weġibx din l-ittra u għaldaqstant intbatu tnejn oħra, waħda fis-16 ta' Novembru u oħra fit-12 ta' Dicembru. Ir-risposta għal dawn l-ittri waslet fl-14 ta' Jannar, 1952, fejn Thedim informa lil Gavà li l-istatwa kienet ser titlaq minn Lisbona fuq il-vapur "Exton" u li r-raġuni għalfejn din l-istatwa damet ma waslet Malta kien minħabba l-fatt li dan il-vapur kellu xi diffikultajiet. Il-vapur "Exton" daħal il-Port il-Kbir nhar l-4 ta' Frar, 1952, iżda Gavà u Dun Farrugia ġew infurmati miċ-chief mate li la hu u lanqas il-kaptan ma kienu jafu b'din l-istatwa.
Fl-10 ta' Marzu, 1952, Gavà reġgħa bagħat ittra lil Thedim fejn infurmah li xtaqu jordaw l-kurun tal-filigranu. Gavà talbu wkoll biex jibat kollox f'daqqa mill-aktar fis possibli. Iżda sitt tijiem wara daħal f'Malta l-vapur "Birkholm" u miegħu waslt ukoll l-istatwa tant mistennija. L-għada, Guiseppe Gavà u Dun Pawl Farrugia marru għand l-aġent ta'dan il-vapur biex ikunu jistgħu jiġbru l-istatwa. Iżda minħabba l-fatt li ma kellhomx il-bill of landing, Gavà u Dun Farrugia marru għand il-Barclays bank jidepositaw 100 lira sterlina u b'hekk ikunu jistgħu jġibu garanzija biex b'hekk ikunu jistgħu jiġbru l-istatwa. Wara li ħadu dawn id-dokumenti u ħalsu 28 lira sterlina dwana, Gavà u Dun Farrugia marru għall-istatwa d-dwana u ħaduha lejn iż-Żurrieq, fejn inżammet għand Gavà stess minħabba li l-Arċipriet kien marid ħafna.
Hekk kif inxterdet l-aħbar li l-istatwa tal-Madonna ta' Fatima kienet waslet ġewwa r-raħal tagħna, kienu bosta dawk li marru biex jarawha. Flimkien ma' dawn kien hemm ukoll oħt l-Arċipriet Gauci li tagħthom kuruna tar-rużarju tal-filigranu ndurat li kienet mogħtija lil Arċipriet minn Rosario Sammut.
Xi jiem wara, Gavà kiteb lil Thedim fejn infurmah li l-istatwa waslet fi xtutna f'kundizzjnoni tajba u fejn talbu biex jibatilhom id-dokumenti meħtieġa għad-dwana. F'din l-ittra, Gavà ikkonferma wkoll l-ordni tal-kuruna tal-Madonna. Ftit tal-jiem wara, Thedim bagħat id-dokumenti meħtieġa. Għall-aħħar tax-xahar ta' Marzu, nbagħat cheque ta' 99 lira sterlina lil Thedim biex ikopru l-ispejjes ta' l-istatwa u tat-trasport. Fl-istess ġurnata, Gavà rċieva ittra li l-kuruna kienet lesta u li kienet ser tintbagħat Malta malli Thedim jakwista export license għaliha. Meta raw li l-kurnua kienet għada ma waslitx, Gavà talab lil Thedim biex jibgħatlu l-kuruna mill-aktar fis possibli għax ridu jiċċelebraw il-festa tal-Madonna ta' Fatima f'Mejju. Iżda l-kuruna baqgħet ma waslitx u għalhekk il-festa tagħha saret xorta waħda. Fit-12 ta' Mejju, din l-istatwa ttieħdet ġol-kappella ta' Sant'Agatha minfejn kellha titlaq f'purċissjoni aux flambaux flimkien mat-talba tar-Rużarju għal knisja parrokkjali. Wara l-festa din l-istatwa tqiegħdet fuq l-artal tal-kurċifiss sakemm jiġi deċiz il-post fejn kellha tiġi mqiegħda b'mod permanenti.

Għal ħabta ta' nofs Lulju, Gavà reġa' kiteb lil Thedim minħabba l-fatt li l-kuruna kienet għada ma waslitx. Fit-tweġiba tiegħu, Thedim infurmah li l-kuruna kienet għada ma tbagħtitx minħabba l-fatt li peress li kienet tal-fidda ndurata bid-deheb, sabha diffiċili ħafna biex jakwista export license. Infatti, din il-kuruna waslet f'pajjiżna lejn il-bidu ta' Novembru ta' listess sena.

B'kollox l-istatwa ġiet tiswa £ 124 - 16s - 6d u l-kuruna ġiet tiswa £ 35 barra t-transport. Carmela Camilleri, Joseph Gauci, Francis Gauci, Salv Camilleri, John Gauci, Jos Bonnici u Carmelo Bonnici kienu l-benefatturi ta' din l-istatwa u John Camilleri, Joseph Camilleri u Joseph Gauci kienu l-benefatturi għal kuruna tal-Madonna ta' Fatima.
Biex ikomplu jżejnu din l-istatwa, ġew ordanati d-disinni għall-pedestal u għall-bradella bil-bankun għand l-iskultur Buhagiar, fejn dawn id-disinni tlestew lejn l-aħħar ta' Jannar, 1953. Ix-xogħol ta' l-injam tal-pedestal kif ukoll tal-bradella ġew ikkumisjonati għand il-mastrudaxxa Guseppi Xuereb fejn tlestew għal ħabta ta' nofs Mejju ta' l-istess sena. L-iskultura tal-pedestal saret għand Salv Tonna u l-induratura tal-Pedestal saret għand Pawlu Xuereb. Il-pedestal u l-Bradella kienu jintużaw fil-festa biss u kien hemm set ieħor għal matul is-sena. F'Mejju ta' l-1974, il-pedestal ta' kuljum ta'l-istatwa tal-Madonna ta' Fatima kellu jiġi mibdul minħabba li kien ittiekel mis-susa. Il-pedestal il-ġdid għamlu bla ħlas Carmelo Xuereb.
Għalkemm il-festa tal-Madonna ta' Fatima ma bagħetx issir ġewwa l-knisja taż-Żurrieq, din l-istatwa għadha meqjuma sal-lum il-ġurnata. Infatti, wieħed għadu jista' jara din l-istatwa fuq l-artal tal-Madonna tar-Rużarju, ġewwa l-Knisja Parrokjali.
Referenzi:
Gavà, G. & Portelli, G (Sac.) (1984.). Prokura tal-Madonan ta' Ftima tal-Knisja Matriċi u Arċipretali taż-Żurrieq. Arkivju tal-Knisja, Żurrieq.

L-Aħħar Kummenti (Forum)
34 weeks 3 days ago
36 weeks 5 days ago
38 weeks 21 hours ago
1 year 14 weeks ago
1 year 14 weeks ago
1 year 20 weeks ago
1 year 21 weeks ago
1 year 21 weeks ago
1 year 23 weeks ago
2 years 4 days ago