Kitba ta' C. Rolé
Il-knisja tagħna hija mżejna b'pittura mill-isbaħ ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu, xogħol mill-isbaħ tal-pittur u skultur Żurrieqi Tonio Zammit, li ħa t-taħriġ tiegħu mill-idejn esperti ta' Vincenzo Cardona u Giuseppe Calì. Din il-pittura ġiet inawgurata minn Dun Manwel Mifsud fl-1908 u għadha titgawda sal-ġurnata tal-llum fuq l-artal dedikat lill-Madonna tal-Karmnu (Camilleri, 2009).
L-artal tal-Madonna tal-Karmnu
L-artal tal-Madonna tal-Karmnu ilu jinsab fil-Knisja Ar'ipretali ta\-|urrieq g]al bosta snin. Dan l-artal jissemma għall-ewwel darba fil-kitba li ħalla l-Isqof Baldassare Cagliares wara l-vista pastorali tiegħu f' Jannar tal-1630. Dan l-artal ġie mwaqqaf minn Antonio Zammit, li kien il-prokoratur tal-Knisja bejn is-snin 1624 u 1634. L-isqof Fra Paul Alpheran de Bussan, li kkonsagra il-Knisja taż-Żurrieq, kiteb ċar wara l-vista pastorali tiegħu fl-1747 li l-artal tal-Karmnu kien mogħni b'dak kollu li kien jeħtieġ u kien miżmum b'mod xieraq (Camilleri, 2009).
Il Kwadru l-antik
Qabel iż-żieda tan-navi fl-ewwel snin tas-seklu 20, l-artal tal-Madonna tal-Karmnu kien imżejjen b'pittura iktar antika u li iktar tard ġiet mibdula aktarx minħabba li t-tila tarqgħet matul iż-żmien minħabba l-użu tax-xema fuq l-artal. Jista' jkun ukoll li din il-pittura inbidlet minħabba li l-Knisja kienet għaddejha minn ristrutturazzjoni arkitettonika ġdida u possibilment minħabba xi nfluwenzi ta' movimenti artistici li seħħew f'dik l-epoka. Madanakollu, ir-raġunijiet għalfejn il-kwadru nbidel mhumiex kompletament magħrufa. Id-daqs ta' dan il-kwadru kien 10 piedi tul b' seba' piedi wisa' u kien juri lill-Madonna bil-Bambin fi ħdana iżommu l-labtu. Fil pittura jidru wkoll San Xmun Stock, General tal-Ordi Karmelitan u Sant' Anton abbati, flimkien ma' bosta anġli puttini madwar il-personaġġi. Din il-pittura nstabet xi snin ilu u minħabba l-istat ħażin li kienet fiha l fratellanza Karmelitana kkuntatjat lir-restawratur Alfred Briffa sabiex ma titkompliex issir iżjed ħsara fil-pittura. Waqt xi tindif li saru fuq dan il kwadru, ir restawratur wasal għall-konklużjoni li f'din il-pittura tinħass l-id artistika ta' Francesco Zahra, artist popolari li x-xogħlijiet tiegħu jżejnu bosta knejjes fil-gżejjer tagħna. Studji juru li din il pittura aktarx saret lejn l-aħħar tas seklu 17 (Mamo, 2004).
Il-pittura l-ġdida
Il-kwadru l-ġdid tal-Madonna tal-Karmnu hu ispirat fuq l-istil ta' Ġużeppe Calì u juri lill-Madonna bil-qegħda fuq sħaba b'rasha inklinata fuq naħa u tħares 'l isfel. Flimkien ma' Marija, il pittura turi lill-Bambin Ġesù wieqaf fuq irkubbtejn Ommu waqt li jħares u jbierek lil San Xmun Stock, li jinsab għarkubbtejh b'devozzjoni kbira. Il-pittura turi wkoll żewġ anġli tal-glorja u numru ta' kerubini li jagħlqu l-parti ta' fuq tal-kwadru f''ċirku armonjuż. Meta wieħed janalizza dan il-kwadru, wieħed jista' jinnota x-xebħ fl-istil mal-kwadru tal-Karmnu li jinsab fl-Isla u mal-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju fil-knisja Arċipretali tal-Mosta (Camilleri, 2009)
Fl-isfond ta' din il-pittura, wieħed jista' jinnota li x-xenografija suġġestiva tfakkarna fl-Art Mqaddsa, b'indikazzjoni għall-għolja tal-Karmenu fil-pajsaġġ aridu tal-Lvant Nofsani. Wieħed jista' jinnota wkoll li iż-żewġ livelli tal-kwadru jingħaqdu vertikalment bl-iskapular minn id il-Madonna għal idejn San Xmun. Dan juri konnessjoni bejn dak li hu Divin man-natura fraġli tal-bniedem permezz tal-labtu. B'hekk, permezz ta' din il-konnessjoni divina, il-bniedem jista' jsalva ruħu permezz tal-labtu li jista' jwasslu għand il-Ħallieq. Tonio Zammit jpitter lil Madonna bħala medjatriċi u ko-redentriċi bejn is-sema u l-art. Din insibuha mhux biss f'din il-pittura iżda wkoll f'bosta pitturi u ikoni oħra li juru lill-Madonna tal-Karmnu. bosta pitturi juru wkoll il-preżenza ta' l-erwieħ tal-Purgatorju jitolbu l-interċessjoni tal-Madonna (Camilleri, 2009).
Referenzi:
Camilleri, A. (2009.). Il-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu fil-Knisja taż-Żurrieq. Madonna tal-Karmnu Żurrieq festa 2009. Qrendi (Malta): Bestprint Co. Ltd.
Mamo, A. (Ed.). (2004.). Jinstab il-kwadru l-antik li kine fuq l-artal tal-Madonna tal-Karmnu. Madonna tal-Karmnu Żurrieq festa 2004. Qrendi (Malta): Bestprint Co. Ltd.

L-Aħħar Kummenti (Forum)
34 weeks 3 days ago
36 weeks 5 days ago
38 weeks 21 hours ago
1 year 14 weeks ago
1 year 14 weeks ago
1 year 20 weeks ago
1 year 21 weeks ago
1 year 21 weeks ago
1 year 23 weeks ago
2 years 4 days ago