5a. Il-fided li jżejnu l-Knisja tagħna (miktub bil-Malti)

Kitba ta' C. Rolé

 

Il-Knisja taż-Żurrieq hija mżejna b'diversi opri tal-fidda li jintużaw fil-festi liturġici.  

 

Fost ir-rikezzi u l-fided tal-Knisja insibu salib tal-kleru mill-isbaħ li hu kkonsidrat bħala wieħed mill-ifjen li nsibu fil-gżejjer Maltin. Dan is-salib imur lura għas-sena 1699 u hu magħmul mill-fidda u miksi b'għadd ta' ornamenti u fuqu nsibu x-xbieha ta' Kristu fuq quddiem u dik ta' Santa Katerina fuq in-naħa ta' wara. Is-salib jistrieħ fuq balla mżejna b'żewġ puttini tal-fidda wkoll, kull wieħed jżomm fergħa ta' palma f'idu, flimkien mal-arma ta' l-Isqof Mons. Davide Cocco Palmieri (Mangion & Zerafa, 1989)

 

Tul is-seklu tmintax, dan is-salib għadda minn xi modifikazjonijiet. Fis-sena 1740, dan is-salib reġgħet inħadmitlu l-lasta tal-fidda li ġiet tiswa mitt skud u li ġew mħollija minn Nutar Marc Antonio Brancato. Aktar tard, fl-1761, ma' dan is-salib ġew miżjuda xi ornamenti, fosthom il-weraq u d-disinn li jdawru s-salib min-naħa ta' fuq. Il-lasta tal-fidda ġarbet xi ħsarat matul iż-żmien bl-użu u b'hekk fl-1830, din kellha tisewwa. Ix-xogħol ta' tiswija sar mill-arġentier Saverio Cannataci. Il-flus biex nħadem dan is-salib kienu nġabru bid-donazzjonijiet ġenerużi tal-poplu Żurrieqi u għalhekk, b'sinjal ta' gratitudni,  fl-antik dan is-salib kien jakkumpanja fil-funerali kollha. Illum il-ġurnata, dan is-salib jakkumpanja fil-purċisjonijiet li jsiru fil-paroċċa tagħna (Mangion & Zerafa, 1989).

 

Opra tal-fidda oħra li nsibu ġewwa l-Knisja taż-Żurrieq huwa lampir tal-fidda li jmur lura għas-sena 1747. Dan il-lampier jintrama quddiem l-artal maġġur u ngħata mill-benefattur Dun Ġużepp Testaferrata (Terribile, 2004). Id-disinn tiegħu sar minn Francesco Zahra u ta' dan ix-xogħol, l-iskultur tħallas sbatax-il skud. Ix-xogħol tal-fidda tal-lampier ġie ordnat għand l-arġentier Aloysio Fenech u b'kollox dan il-lampier sewa s-somma ta' 1,900 skud u ġie mħallas fuq 8 pagamenti bejn l-1746 u l-1748. Maħdum bit-teknika msejħa a martello, dan il-lampier fih 5 brazzi u fuq il-faċċati tiegħu nsibu xbieha ta' Santa Katerina, sfera bis-Santissimu Sagrament, l-arma tal-Isqof Alpheran  u skrizzjoni li tgħid: EX/LEGATO/REVERENDI QO/DOMINI DON/IOSEPHI TESTA/FERRATA/H. ECCE/SIE PARO/CHALI/ET BENEME/A.D. 1747. Il-ktajjen li jorbtu dan il-lampir huma magħmula minn disinn li jinkorpora r-rota bix-xfafar, simbolu tal-qaddisa Paturna ta' dan ir-raħal. Dan il-lampir kien għoddu ntielef waqt it-tieni gwerra dinija meta seħħet spluzjoni u waqgħet is-sagristija tal-knisja (Mangion & Zerafa, 1989).

 

Fil-Knisja arċipretali tagħna nsibu wkoll relikwarju li jmur lura għall-bidu tas-seklu għoxrin. Dan ir-relikwarju ġie iddisinjat minn Dun Guiseppe Barbara fl-1901 u fl-1902, dan irrelikwarju ġie esebit f'wirja internazzjonli ta' xogħolijiet ta' arti reliġjuza ġewwa Turin. Ir-relikwarju ngħata l-ewwel post f'kompetitzjoni marbuta mal-wirja (Xuereb, 2007).

 

Wieħed ma jistax ma jinnutax opra oħra tal-fidda mill-isbaħ li nsibu ġewwa l-knisja parokkjali tagħna: il-pissidi kbir. Dan il-pissidi hu maħdum b'riljievi  tal-weraq u ornamenti oħra u ġie rregalat lill-knisja minn Giovanni Battista Mangion fl-1756 (Terribile, 2004).

 

Matul il-jiem tal-festa titulari ta' Santa Katerina, set ta' tlett karti tal-Glorja kbar jintramaw fuq l-artal tat-Trinità qaddisa, bil-gwarniċ tagħhom immartellat fil-fidda. Dawn il-gwarniċi nħadmu fis-sena 1761 u jikkonsistu fi 2 żgħar u waħda kbira u ġew irregalati mis-Sinjura Caterina Aguis, l-armla tat-tabib Dr. Guseppe Aguis (Terribile, 2004).  Il-gwarniċ tal-karta l-kbira juri x-xbieha ta' Santa Katerina flimkien mal-iskrizzjonijiet EX/DONO/DNAE CATHARINAE/HAGIVS/A.D. 1761. Il-marki tal-fidda juru wkoll l-ittri DF jew PF u juru wkoll l-elm tal-fleur de Lys u kuruna. Dawn jindikaw li x-xogħol sar mill-argentier Pietro Farrugia. Mangion (1989) jgħid li aktarx dawn il-karti kienu jintramaw fuq l-artal maġġur qabel ma eventwalment inħadmu sett mill-arġentir Saverio Cannataci, fl-1830, għalkemm ma jeskludix li dawn inħadmu speċifikament għall-artal tat-Trinità. Dan l-argument isostnih il-fatt li bejn l-1754 u l-1759 Caterina Aguis ħalst ukoll sotto-kwadru ta' San Frangisk Saverju ġo gwarniċa magħmula mill-injam (Magion & Zerafa, 1989).

 

Il-Knisja tagħna tgawdi wkoll minn par gandlieri kbar ta' l-akkolti li jintużaw sabiex jakkumpanjaw is-salib tal-kleru. Dawn il-gandlieri huma magħmulin mill-fidda u ngħataw bħala rigal mis-Sinjura Gużeppa Aguis, bint it-tabib Dr. Guiseppe Aguis fl-1766. Dawn inħadmu mill-arġentier famuż Giovanni Lebrun u fil-bażi tagħom juru l-kitba EX DONO DNAE IOSEPHAE HAGIVS TERRAE ZVRRICO 1766 u juru l-marki tal-fidda tal-arġentier (Mangion & Zerafa, 1989).

 

Nhar il-festa jintużaw wkoll żewġ ċnieser tal-fidda mmartellati flimkien man-navetti rispettivi tagħhom. Dawn in-navetti jmorru lura għas-seklu tmintax. Wieħed minn dawn iċ-ċnieser inħadem fis-1754, bis-saħħa tal-prokuratur Dun Frangisk Bonnici u nħadmu mill-arġentier Francesco Assenza li ngħata s-somma ta' 107 skud. L-ieħor nħadem mill-arġentier Aloysio Troisi fis-sena 1779 u sewa ftit aktar minn 66 skud (Mangion and Zerafa).

 

Il-knisja hija mżejna wkoll bi tlett messalli bil-lamina tal-fidda. Wieħed minn dawn ġie ddisijat minn Manwel Buhagiar fl-1930 u t-tnejn l-oħra ġew disinjati minn Abraham Gatt u maħduma mid-ditta Francis Cassar ta' Bormla (Terribile, 2004).  

 

Referenzi:

 

Mangion, A. & Zerafa, K, (1989). Santa Katerina: il-festa u s-soċjetà mużikali tagħha fiż-Żurrieq. Valletta (Malta): Peresso Printing Press.

Terribile, T. (2004).  Teżori fil-knejjes Maltin: Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi u ż-Żurrieq.  Pietà: Publikazzjonijiet Indipendenza.

Xuereb, C. (2007). The creation of a church museum at |urrieq: a tourism potential for the South. Unpublished B.A. (Hons.). Tourism Studies dissertation, Faculty of Economics, Management and Accountancy, University of Malta.


« September 2010 »
MonTueWedThuFriSatSun
12345
6789101112
13141516171819
20212223242526
27282930

Bookmark Us

Bookmark Website 

Bookmark Page 

Votazzjoni

Taf x'inhi l-Unita' Pastorali?:

L-Aħħar Kummenti (Forum)