Kitba ta' C. Rolé
Il-Kult lejn Santa Katerina jinxtered mal-Ewropa kollha
Għalkemm bosta kitbiet tas-seklu VI jiddeskrivu il-ħajja u l-martirju ta' Santa Katerina, is-seklu VII jagħraf il-qofol tal-kult lejn il-qaddisa patruna tagħna. Ġurnata fost l-oħrajn, wieħed mill-monaċi ta' Sinai, kellu viżjoni anġelika, dwar post fejn kien hemm tfajla martri midfuna. Dan il-monaku, flimkien ma' sħabu, b'ħeġġa liema bħalha, marru f'dan il-post u hemm sabu l-fdalijiet ta' Santa Katerina ġewwa għar. L-inħawi fejn instabu l-għadam ta' din il-qaddisa huma meqjuma sal-lum u baqg]u magħrufa bħala 'Ġebel Katerina'. Dan il-post jinsab fuq l-istess muntanja ftit 'il fuq mill-monasteru (Farrugia, 2005). L-għadam tal-qaddisa ttieħed fil-monasteru ta' Sinai u ġew midfuna fil-kappella prinċipali, preċiżament fuq wieħed mill-ġnub tal-artal maġġur. Aktarx l-għadam ma tħalliex f'' Ġebel Katerina' minħabba l-invażjonijiet ħorox li kienu jsiru mill-Misilmin f'dik l-epoka (Buhagiar & Zarb, 1978). Il-monaċi kienu jafu sew li Mawmettu ma kien qatt ser jattakka l-monasteru ta' Sinai minħabba r-rispett li kellu lejhom għal dak kollu li kienu għamlu miegħu ftit taż-żmien qabel. B'hekk l-għadam ta' Santa Katerina u possibilment ta' xi qaddisin oħra setagħu jinżammu bħala relikwi bla ebda biża' li jiħu mitlufa (Farrugia, 2005). Id-devozzjoni lejn Santa Katerina f'dan il-monasteru kibret b'tali mod, li l-monasteru ħa isem il-qaddisa (Buhagiar & Zarb, 1978).
'Il-gwerra qaddisa'... hekk kienet msejjħa l-battalja mdemmija mifruxa fuq mitejn sena bejn l-Insara u l-Misilmin, gwerra li fiha ġġieldu elejjef ta' suldati sabiex terġa' tintrebaħ l-Art Qaddisa (Runciman, 1992). Sabiex jakkwistaw l-indulġenzi, il-kavallieri tal-kruċjati kienu jmorru bi ħġarhom għal dawn il-battalji u waqt il-vjaġġ tagħhom lura lejn pajjiżhom, kienu jaqsmu l-esperjenzi u r-rakkonti ta' dawn il-gwerer mal-insara fil-bliet fejn kienu jieqfu jistrieħu. Il-kavallieri kienu wkoll jirrakkuntaw il-ħajja ta' xi qaddisin jew martri ġodda li jkunu saru jafu bihom fl-inħawi tal-Artijiet Mqaddsa. Fost dawn il-qaddisin, insibu lil Santa Katerina, San Ġorġ, San Nikola u oħrajn. B'hekk fis-seklu X, il-kult lejn Santa Katerina seta' beda jinxtered fil-punent tal-Ewropa. Xi studjużi jaħsbu li aktarx il-kavallieri tal-kruċjati kienu iqattaw xi żmien fil-monasteru ta' Sinai, però aktarx ħadd minnhom ma qatt żar il-post "Ġebel Katerina' minħabba li hu prattikament inaċċessibli (Buhagiar & Zarb, 1978).
Fis-seklu XI, xi ftit mill-fdalijiet ta' Santa Katerina ttieħdu ġewwa Franza minn Xmun, monaku ta' Sinai. Dawn il-fdalijiet tqiegħdu fl-abbazija ta' Trinité-au-Mont li iktar tard ħadet l-isem ta' Sainte Catherine-au-Mont (Farrugia, 2005). Il-vjaġġ ta' Xmun huwa dokumentat f'numru ta' kitbiet, fosthom il-kroniċi ta' Ugo de Flavigny u fil-'Chronicon Triplex' (Buhagiar & Zarb, 1978). Studji juru li f'nofs is-seklu XI, kienet diġà tiġi ċċelebrata festa ad unur tal-qaddisa Santa Katerina ġewwa din l-abbazija (Farrugia, 2005). Minn ġo din l-abbazija, d-devozzjoni lejn Santa Katerina nxterdet ma' Franza kollha u iktar tard mal-Italia u pajjiżi oħra fil-punent tal-Ewropa. Infatti, f'Napli wieħed jista' jara xi xbihat ta' din il-qaddisa fil-katakombi ta' San Ġennaro, li jmuru lura għas-seklu XI (Scudu, 2005).
Il-festa liturġika ta' Santa Katerina kienet tiġi ċċelebrata fis-seklu XIII (u possibilment anki qabel) mill-Benedittini, Ċisterċensi u Klunjaċensi flimkien ma' xi patrijiet tal-ordnijiet mendikanti (Buhagiar & Zarb, 1978). Fl-istess seklu, Santa Katerina ġiet ukoll maħtura bħala patruna tal-fakultà tat-teoloġija f'Sorbonne, l-ewwel Università tad-dinja (Farrugia, 2005). Dawn l-istudenti tat-teoloġija flimkien ma' dawk tal-filosofija, kienu jmorru f'purċissjoni lejn il-knisja ta' Sainte-Catherine-de-la Couture sabiex jiċċelebraw il-festa tagħha. Il-festa liturġika ta' Santa Katerina ġiet introdotta fil-kalendarju ruman fis-seklu XIII u fis-seklu XIV ġiet ikkonsidrata obbligatorja fil-knejjes tal-Punent waqt il-pontifikat tal-Papa Ġwanni XXII (1316-1334) (Buhagiar & Zarb, 1978).
Il-bidu tal-kult lejn Santa Katerina fil-gżejjer Maltin
Għalkemm nafu verament ftit fuq l-ewwel snin tal-kristjaneżmu f'Malta, nafu fiċ-ċert li lejn l-aħħar tas-seklu VI, Malta kellha Isqof li kien marbut ħafna mal-Provinċja ta' Sqallija. F'dan is-seklu, Sqallija għaddiet taħt it-tmexxija ta' Konstantinopli, u l-istess seħħ għall-gżejjer Maltin. B'hekk, f'Malta f'dawn iż-żminijiet, seta' daħal il-kult lejn bosta qaddisin tal-Lvant, fosthom Santa Katerina. Ir-rabta bejn Malta u l-Lvant tal-Meditterran setgħet kompliet tissaħħaħ bil-wasla ta' bosta refuġjati mit-tramuntana ta' l-Afrika li kienu jaħarbu mill-persekuzzjoni tal-barbari. Għalkemm s'issa qatt ma nstabu provi, dawn ir-refuġjati setgħu ukoll ħabu magħhom il-kult lejn din il-qaddisa. Jekk il-poplu Malti kellu devozzjoni lejn Santa Katerina qabel is-sena 870, ftit huma l-possibilitajiet li l-kult lejn din il-qaddisa rnexxielu jibqa' ħaj tul il-ħakma Għarbija (Buhagiar & Zarb, 1978).
Kien id-29 t'Awissu tat-870 A.D. meta fuq il-gżejjer Maltin ħakmet l-id bix-ximitarra, ix-xabla Għarbija (Wettinger, 1986). Ma nistgħux ngħidu li taħt l-Għarab kien żmien pjaċevoli, anzi kollox il-kuntrarju għax meta l-Għarab kienu jaħkmu xi pajjiż Kristjan, kienu jimxu mal-poplu b'id tal-ħadid. Barra l-ħruxija ta' taxxi li kien iħallas il-poplu Malti, ir-reliġjon kattolika f'Malta ukoll ħadet daqqa ta' ħarta. Studjużi tal-istorja Maltija jemmnu li l-bini ta' knejjes u monasteri, qari tal-kotba sagri u purċissjonijiet bis-salib kienu assolutament projbiti u barra minn hekk, il-Malti ma seta' qatt iġorr armi jew jirkeb fuq ħmir bis-sarġ u lanqas jgħix f'djar kbar daqs ta' l-Għarab. Il-Maltin kellhom ukoll jimmarkaw id-djar tagħhom u ħwejjiġhom biex jintgħarfu mill-komunità Għarbija. Sabiex iħallsu inqas taxxi, xi nsara Maltin qalbu għall-Islam (Laspina, 1970). Barra minn hekk, l-Isqof ta' Malta ntbagħat il-ħabs u ma kien maħtur ħadd bħala s-suċċessur tiegħu (Castillo, 1979). L-Għarab qerdu u ddisakraw kull ma sabu u xi kitbiet jgħidu li l-gwerrier Sawada Ibn Muhammed ħa bħala rigal ġebel u rħam mill-kappelli Maltin lill-Emir ta' Susa sabiex jibni l-palazz tiegħu. Dan iż-żmien aħrax ġie fit-tmiem fis-sena 1090, meta n-Normanni ħakmu lil Malta u r-reliġjon Nisranija setgħet tiġi pprattikata b' mod liberu. Xi kitbiet juru li f'Malta reġgħet kellha Isqof għal darba oħra fis-sena 1127 (Buhagiar, 2007). F'dan iż-żminijiet, ġie introdott għall-ewwel darba f'Malta l-kult lejn Santa Katerina mill-monaċi ta' San Bażilju, li ġew f'Malta minn Sqallija u minn Pantallerija bl-għan li jikkonvertu lill-Misilmin għall-Kristjaneżmu. Il-monaċi ta' San Bażilju kienu devoti ta' bosta qaddisin, fosthom San Ġorġ u Santa Katerina ta' Lixandra, u prova ta' dan huwa indikat fil-Menoloġija ta' San Bażilju li juri xbiha ta' Santa Katerina waqt il-qtugħ tar-ras flimkien mal-filosfi ta' Massiminu qed jingħataw in-nar (Buhagiar & Zarb, 1978).
Il-kult lejn Santa Katerina kompla jikber mal-medda tas-snin u bosta kappelli ddedikati lil din il-qaddisa setgħu nbnew. L-eqdem fdalijiet ta' kappella ddedikata lil Santa Katerina huma dawk tal-Knisja ta' Santa Katerina f'tal-Baqqari, fil-limiti taż-Żurrieq li aktarx rat il-bidu tagħha lejn tmiem is-seklu XIII (Farrugia, 2005). Is-seklu XIV ma jħallielna ebda evidenza storika fuq il-kult lejn Santa Katerina f'Malta, iżda f'rollo tas-sena 1436 insibu fost l-oħrajn li l-kanonku tal-katidral, Donnus Antonius de Astis kellu dħul minn diversi inħawi, fosthom mill-cappella di lo Zurrico (Mangion & Zerafa, 1989). Iddedikata lil Santa Katerina. Dan ir-rollo bl-isem ta' 'Quinterniolus pro concordia taxarum', ikkomissjonat mill-Isqof Senatore de Mello, jagħmel referenza għal tnax-il kappella, fosthom tnejn iddedikati lil Santa Katerina fiż-Żurrieq u ż-Żejtun (Buhagiar & Zarb, 1978).
Lejn l-aħħar taż-Żminijiet medjevali, l-ikonografija ta' Santa Katerina turi t-tifrix u t-tisħiħ fid-devozzjoni lejn din il-qaddisa (Buhagiar & Zarb, 1978). Dokument importanti tas-sena 1506, juru fiċ-ċar li l-knisja Parrokkjali taż-Żurrieq kienet iddedikata lil Santa Katerina, fejn il-knisja tar-raħal tissemma bħala 'Capella et parochie Sancte Catherine de lu Zurrico', kuntratt li sar quddiem in-nutar Consalvu Canchur. Fl-1575, fil-vista pastorali ta' Mons. Pietru Dusina, tissemma parroċċa ddedikata lil Santa Katerina fiż-Żurrieq (Mangion & Zeraf, 1989). Fir-rapport li għamel Dusina, jissemmew ukoll sittax-il kappella jew knisja ddedikati lil Santa Katerina. Dusina jiddeskrivi li f'dawn iż-żminijiet, id-devozzjoni lejn Santa Katerina kienet qawwija ħafna fiż-Żejtun, tant li kull nhar ta' tnejn, kienu bosta dawk li kienu jżuru l-knisja taż-Żejtun sabiex jitolbu l-interċessjoni tagħha fit-twegħir tagħhom (Buhagiar & Zarb, 1978). Barra minn hekk, id-devozzjoni fiż-Żejtun tant kienet kbira li sal-1794, dan ir-raħal kien jidher fil-mapep bħala 'Terrae Sanctae Catherinae' (Farrugia, 2005).
Il-Kavallieri Taljani tal-Ordni ta' San Ġwann, wkoll komplew ikabbru d-devozzjoni lejn Santa Katerina f'Malta. Dan jixhdu l-bini ta' żewġ knejjes iddedikati lil din il-qaddisa ġewwa l-Birgu u l-Belt Valletta. Il-Kavallieri għenew ukoll fil-bini tal-monasteru ta' Santa Katerina ġewwa l-Belt Valletta. Bosta huma l-pitturi taż-żmien il-Kavallieri li juru lil din il-qaddisa, fosthom dik ta' Mattia Preti ġewwa ż-Żurrieq, li tinsab fuq l-artal tal-kor u dik tal-katidral ta' San Ġwann, ġewwa l-kappella tal-Italja (Farrugia, 2005).
Id-devozzjoni lejn Santa Katerina hija tant qawwija fil-gżejjer Maltin li anki stabiliet ruħha fil-ħajja soċjali tagħna. Dan jixhdu d-diversi qwiel bħal 'il-qamħ ta' Santa Katerina it-tiben u t-tag]am jagħtina, Santa Katerina lesti x-xbiek għal ġol-kantina, Santa Katerina lejn darna mexxina' u bosta oħrajn (Farrugia, 2005).
Referenzi:
Buhagiar, M. (2007). The Christianization of Malta: Catacombs, cult centres and churches in Malta to 1530. Oxford: Hadrian Books Ltd
Buhagiar, M., & Zarb, S. M. (1979). Saint Catherine of Alexandria: her churches, paintings and statues in the Maltese Islands. Valletta (Malta): Progress Press Ltd.
Cartes des Isles de Malte et De Goze. in Maps of Malta, a collection of Maps located at the National Library of Malta
Castillo, D. A. (2006). The Maltese Cross: A strategic history of Malta. London: Praeger Security International
Farrugia, J. (2005). Santa Katerina ta' Lixandra, il-kult tag]ha. Retrieved July 9, 2009 from www.kappellimaltin.com
Laspina, S. (1970). Outlines of Maltese History: Prehistoric to Modern Times. Malta: A.C. Aquilina & Co.
Mangion, A. & Zerafa, K, (1989). Santa Katerina: il-festa u s-socjetà muzikali taghha fiz-Zurrieq. Valletta (Malta): Peresso Printing Press.
Runciman, S. (1992). The first crusade. United Kingdom: Cambridge University Press.
Scudu, M. (2005). Santa Caterina di Alessandria, martire: Ho seguito il mio signore Gesu' Cristo. Retrieved July 9, 2009 from www.donbosco/torino.it
The Imitative Self (2009). Retrieved July 16, 2009 from the Department of English, University of Illinois website: http://illinois.edu
Wettinger, G. (1986). The Arabs in Malta, in Malta: studies of its heritage and history. Valetta (Malta): Mid Med Bank
Xuereb, C. (2007). The creation of a church museum at |urrieq: a tourism potential for the south. Unpublished B.A. (Hons) Tourism Studies dissertation, Faculty of Economics, Management & Accountancy, University of Malta.

L-Aħħar Kummenti (Forum)
34 weeks 3 days ago
36 weeks 5 days ago
38 weeks 21 hours ago
1 year 14 weeks ago
1 year 14 weeks ago
1 year 20 weeks ago
1 year 21 weeks ago
1 year 21 weeks ago
1 year 23 weeks ago
2 years 4 days ago