Kitba ta' C. Rolé
Minbarra l-tempju kbir u sabiħ li bih hu mżejjen ir-raħal tagħna, fiż-Żurrieq insibu għadd ta' kappelli oħra li għal żmien twil kienu post ta'wens u talb għar-raħħala li kienu jgħixu madwarhom. Illum, bosta minn dawn il-kappelli huma magħluqin u ftit għadhom dawk użati għal xi adorazzjoni jew biex tiġi iċċelebrata l-quddies fihom.
Il-Kappella tal-Kunċizzjoni, in-Nigret
Il-kappella iddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni tinsab fl-inħawi tan-Nigret, ġewwa ż-Żurrieq u għalhekk, huma ħafna dawk li jirreferu għaliha bħala l-Knisja tan-Nigret. Din il-knisja ġiet mibnija mill-Kommendatur Fra Ġakbu Togores de Valemuola tal-lingwa ta' Aragona, flok oħra li qabel kienet iddedikata lil-Lunzjata u li kienet ġiet profanata mill-Isqof Balaguer fl-24 ta' Novembru, 1658. Fil-11 t'Ottubru, 1739, din il-knisja ġiet imbierka mill-Kappillan il-ġdid tar-raħal, Dun Karm Delicata, li kien delegat maħtur mill-Isqof Algeran. Din il-knisja nbniet mal-Palazz Togores li illum jintuża bħala kunvent tas-sorijiet li jieħdu ħsieb din il-knisja (Guillaumier, 1987).
Din il-knisja hija mżejna b'kopla żgħira, żewġ altari u żewġ kampnari. Il-kwadru titulari li nsibu f'din il-knisja huwa ddedikat lil Marija Immakulata flimkien ma' San Ġakbu Appostlu, San Leonardu, u San Lawrenz Martri. Dan il-kwadru huwa xogħol ta' artist lokali u jmur lura għas-seklu tmintax. F'din il-knisja nsibu wkoll statwa artistika u devota ta' San Ġużepp. Din l-istatwa hija xogħol l-iskultur Wistin Camilleri (Terribile, 2004).
Il-Kappella ta' San Ġakbu
Il-kappella ta' San Ġakbu tinsab ftit il-bogħod mill-Knisja parrokkjali ta' Santa Katerina. Mibnija fuq stil Barokk, din il-kappella bdiet tinbena fl-1725, minflokk żewġ kappelli oħra qodma u żgħar iddedikati lil San Ġakbu u San Ġwann il-Battista. Il-bini ta' din il-kappella tlest fl-1731. Din il-Kappella hija mżejna b'numru ta' pilasti ta' stil Joniku li fuqhom jitla' friż li jdur mad-dawra tal-kappella kollha. F'din il-kappella wieħed jsib tlett altari u fuq kull wieħed nsibu kwardru mżejjen bi prospettivi sbieħ minquxa fil-ġebel. L-iskultura tal-prospettivi hija xogħol l-iskultur Paolo Zahra (www.kappellimaltin.com)
Il-prospettiva ta' l-altar maġġur ta' din il-kappella huwa maqsum f'żewġ partijiet, waħda tibda' mill-gwarnċun 'il fuq u l-oħra mill-gwarniċun l-isfel. Fuq l-artal maġġur nsibu wkoll pittura li juri lill-Madonna bil-Bambin Ġesù fuq dirgħajha, fid-dehra li kellha lil San Ġakbu Appostlu, li għalih hija ddedikata din il-kappella. Dan il-kwadru titulari huwa attribwit lil Zahra wkoll (Terribile, 2004).
L-artal li nsibu fuq in-naħa tax-xellug ta' din il-kappella huwa ddedikat lil Marija Annunzjata. Dan il-kwardu juri l-misteru tat-Tħabbira ta's Sidtn Marija. Dan il-kwadru huwa wkoll attribwit lil Zahra (www.kappellimaltin.com). Fuq l-altar l-ieħor insibu kwadru ddedikat lill-Madonna tad-Dawl. F'dan il-kwadru, wieħed jista' jammira żewġt anġli niżlin mis-sema bil-kuruna f'idejhom biex iqegħduha fuq ras il-Verġni Marija, filwaqt li l-Banbin qiegħed jerfa' xi qlub mill-kannestru miżmum minn anġlu. F'dan il-kwadru nsibu wkoll xbieha ta' San Ġwann il-Battista (Terribile, 2004).
Il-faċċata ta' din il-kappella hija mżejna bi tlett bibien, li tnejn minnhom huma mbarrati u b'tieqa fuq kull bieb biex tiddawal il-knisja minn ġewwa. Din il-kappella hija mżeja b'frontispizju li fuq ix-xellug tiegħu jidher kampnar żgħir bi tlett qniepen (www.kappellimaltin.com).
Din il-kappella għadha tinfetaħ ta' kuljum u fiha jkun hemm espost is-Sagrament Mqaddes għall-adorazzjoni tal-poplu tar-raħal.
Il-Kappella ta' San Barthilmew
Il-Kappella ta' San Bert li naraw illum hija mibnija minflokk waħda qadima li kienet iġġib l-istess isem. Din il-kappella tinsab fi triq li ġġib l-istess isem ta' dan l-Appostlu, fin-naħa ta' wara tal-Knisja Parrokkjali, lejn l-inħawi tax-Xarolla. Huwa għal din ir-raġuni li din il-kappella hija magħrufa wkoll bħala dik tax-Xarolla (www.kappellimaltin.com).
Il-kappella l-qadima kienet nbniet fl-1482 u minħabba l-istat ħażin li kienet tinsab fih, l-Isqof Balagues ipporfanha fl-24 ta' Novembru, 1658. Għaldaqstant, ġie deċiż li tinbena oħra flokha u fl-1775, tqiegħdet l-ewwel ġebla tagħha. F' Jannar tal-1784, din il-kappella ġiet mbierka solennement mill-Kappillan tar-raħal, Dun Ġużepp Aguis li kien maħtur delegat mill-Isqos Labini (Guillaumier, 1987).
Din il-kappela hija mibnija fuq pdoju ta' erba' tarġiet li jdur magħha minn tliet naħiet. Minn ġewwa għandha pjanta kwadra b'kor b'nofs tond. Minbarra d-daħla prinċipali, din il-kappella għandha wkoll żewġ daħliet fuq il-ġnub tagħha fejn wieħed jista' jara wkoll żewġ altari oħra (www.kappellimaltin.com).
Fil-ġemb tal-kwadru titular iddedikat lil San Bert, naraw ukoll żewġ kwadri li juru lil San Publiju u lil San Vinċenz Ferreri. Taħt il-kwadru titular hemm wkoll sotto kwadru tal-Qalb ta' Ġesù. Fuq il-bieb prinċipali nsibu wkoll il-gallerija tal-orgni u fl-arkati tal-ġnub u fuq il-bieb hemm tlett twieqi li jimlew il-kappella bid-dawl (www.kappellimaltin.com).
Il-kwadri li jinsabu fuq iż-żewġ altari l-oħra huma ddedikatli lit-Trasfigurazzjoni ta' Sidna Ġesù u lil San Franġisk t'Assisi. Taħt dawn il-kwadri, nsibu wkoll żewġ sotto kwadri, wieħed tal-Madonna u l-ieħor ta' Santa Kjara (www.kappellimaltin.com).
Il-Kappella ta' San Luqa Eanġelista
Din il-kappella nbniet għall-ewwel darba fis-seklu ħmistax fejn fl-atti tan-Nutar Luqa Sillato insibu li Luqa Zammit ħalla din il-kappella bħala donazjoni fit-testment tiegħu li sar fl-1460 (Guillaumier, 1987). Din il-kappella reġgħet imbniet fl-1814 b'ħidma kbira ta' Dun Ġwann Zammit. Il-kwadru titulari ta' din il-kappella li llum jinsab fis-sagrestija tal-knisja parokkjali, juri xbiha ta' San Luqa u hu xogħol Francesco Zahra. Dan il-kwadru jmur lura għas-sena 1743, liema sena hija miktuba fuq il-kwadru nnifsu. Fil-bidu taz-zuntier ta' din il-kappella nsibu wkoll bust ta' ruħ. Dan il-bust jista'jkun li tiegħed hemm biex ifakkar li fl-antik, fl-inħawi ta' fejn hi mibnija din il-kappella, kien jeżisti xi ċimiterju (Terribile, 2004).
Il-Kappella ta' Sant'Andrija
Minkejja li din il-kappella hija mibnija b'mod sempliċi, xorta jibqa' l-fatt li din il-kappella fiha xeħta grazjuza. Mibnija fuq il-ħnejjiet, din il-kappella ġiet mtella' bejn l-1775 u l-1784 minflok oħra aktar qadima mibnija fl-1482. Il-kwadru titulari tal-kappella ta' Sant'Andrija juri l-martirju ta' dan il-qaddis. Ix-xogħol ta' dan il-kwadru hu attribwit lil id esperta ta' Francesco Zahra. Il-lum, wieħed jista' jammira dan il-kwadru ġewwa s-sagrestija l-knisja parrokkjali taż-Żurrieq (Terribile, 2004).
Il-Kappella ta' Sant'Agata
Oriġinarjament, il-kappella ta' Sant'Agata ġiet mibnija fis-seklu sittax u kienet ikbar minn dik li hemm illum. Fl-24 ta' Novembru, 1658, din il-kappella ġiet pprofanat mill-Isqof Balaguer, iżda wara reġgħet ġiet mibnija mill-ġdid bil-ġbir tal-poplu. Fl-1854, din il-kappella reġgħet inbniet kif inhi llum, bit-tħabrik ta' Ċikku Ġrixti u ġiet imbierka mill-Vigarju Ġenerali, Dr. Dun Filippu Amato, fl-1859. (Guillaumier, 1987). Il-loġġa li naraw quddiem il-bieb prinċipali ta' din il-kappella nbniet fl-1900. Il-kwadru titulari ta' din il-kappell li juri ix-xbieha ta' Sant'Agata jmur lura għall-bidu tas-seklu dsatax. Il-lum il-ġurnata, dan il-kwadru jinsab fis-sagrestija tal-knisja parokkjali (Terribile, 2004).
Il-Kappella ta' Santa Marija tal-Baqqari
Fl-inħawi magħrufa bħala tal-Baqqari, nsibu l-fdalijiet ta' kappella qadima ħafna, mibnija wara s-seklu tlettax. Illum il-ġurnata ma fadal xejn għajr xi kolonni mkissrin (Guillaumier, 1987).
Il-Kappella ta' Santa Marija ta' Bubaqra
Il-kappellla ta' Santa Marija ta' Bubaqra hija mibnija fuq żewġ kappelli qodma biswit xulxin. Dawn il-kappelli kienu ddedikati lil San Bastjan u ta' Santu Rokku. Wara l-pesta ta' l-1676, nbniet din il-kappella f'ġieħ Santa Marija. Sa l-1961, din il-kappella kienet għadha żgħira ħafna, iżda bil-ħidma ta' Dun Salv Farrugia, din il-kappella tkabret u bdiet tilqa' fiha l-familji kollha li jgħixu fl-inħawi ta' Bubaqra (Guillaumier, 1987).
Din il-kappella hija mżejna b'għadd ta' kwadri li fihom wieħed jista' jara ċertu livell artistiku. Fost dawn, wieħed jista' jara l-kwadru ddedikat lil Santu Rokku mogħti lil din il-kappella mill-Kavallier Riccardo de Riccis. F'din il-kappella nsibu wkoll kwadru li juri lil San Bastjan u Santu Rokku. Dan il-kwadru sar f'ġieħ iż-żewġ kappelli li qabel kien hemm f'dan il-lok. Dan il-kwadru juri influenza tat-teknika ta' Francesco Zahra (Terribile, 2004).
Il-Kappella ta' San Leo, Papa
Din il-kappella tinsab f'nofs iċ-ċimiterju tar-raħal li jinsab fl-inħawi ta' Bubaqra. Fl-1576, din il-kappella ġarbet xi ħsarat u l-Monsinjur Dusina nkariga lil Dun Ġwann Zammit, Kanonku Kapitulari u rettur tagħha biex jirranġha. Fl-1678, Dun Salv Fenech ħa ħsieb li jirranġa din il-kappella minħabba li kienet xi ftit abbandunata u rranġa wkoll il-kwadru li nsibu mal-ġemb tal-kappella li jirrapreżenta l-Assunta ma' żewġ qaddisin (Guillaumier, 1987).
Il-Kappella tal-Lunżjata
Il-kappella tal-Lunzjata hija kappella medjevali li tinsab fl-inħawi ta' Ħal-Millieri u għalhekk, ħafna drabi, din il-kappella tiġi msejħa b'dan l-isem. Din l-kappella nbniet għall-ħabta tas-sena 1480 fuq fdalijiet ta' Villa Rumana. L-ewwel deskrizzjoni ta din il-kappella nsibuha fiż-żjara tad-delegat appostoliku Monsijur Piertro Dusina. Aktar tard, fl-1781, l-Isqof Labini sab din il-kappella fi stat ħażin ħafna u pprofana (www.kappellimaltin.com). Għal bidu tas-seklu dsatax, Ġuże Magro irranġaha u għammarha bl-affarijiet meħtieġa biex din tkun tista' tiġi mbierka mill-ġdid. Infatti, din il-kappella reġgħet tbierket minn Dun Gejtan Buttigieg fl-1809 (Guillaumier, 1987).
Illum il-ġurnata din il-kappella tinsab f'kundizzjonit tajba ħafna. Il-kappella tinfetaħ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar bejn id-9.00 am u 12.00 pm. Il-festa tal-Lunzjata f'din il-kappella għadha tiġi ċelebrata Ħadd wara l-25 ta' Marzu, fejn tiġi ċelebrata quddiesa filgħodu, bil-knisja armata għal okkażżjoni (www.kappellimaltin.com).
Il-Kappella ta' San Ġwann Evanġelista
Fl-inħawi ta' Ħal-Millieri, nsibu kappella oħra li hi ddedikata lil San Ġwann Evanġelista. Din il-kappella ġiet mibnija mill-ġdid fl-1640, flok waħda li tmur lura għas-sena 1481. Meta Monsinjur Pietro Dusina żar din il-kappella fl-1575 sabha fi stat ħażin ħafna u pprofanaha (Guillaumier, 1987). Fl-1822, Dun Ġakbu Gauci tħajjar jirranġaha mill-ġdid, u qabbad lil neputih il-bennej Franġisku Gauci biex jagħmel dan. Jidher li fis-seklu għoxrin l-knisja ġiet imkabbra mill-ġdid fi żmien Dun Ġuzepp Gauci mit-tifel ta' Franġisku Gauci. Ix-xogħol tlesta fl-1961 u l-knisja ġiet imbierka mill-Isqof Gaetano Pace Forno (www.kappellimaltin.com).
Il-pittura titulari turi lil San Ġwann Evanġelista jikteb il-ktieb tar-Revelazzjoni magħruf ukoll bħala l-Appokalissi. Fil-kwadru tidher ukoll il-Verġni Mqaddsa f'apparizzjoni. Dan il-kwadru sabiħ kellu jitneħħa minn din il-knisja u jittieħed fil-Knisja parrokkjali taż-Żurrieq għal raġunijiet tas-sigurtà, peress li l-inħawi sfortunatament kienu ġew vandaliżżati għal diversi drabi. Minflokk il-pittura oriġinali, illum wieħed jista' jara kopja tagħha. Dan sar biex tiġi rispettata l-karatteristika tal-kappella u l-ambjent ġewwieni tagħha (www.kappellimaltin.com).
Referenzi:
Guillaumier, A. (Ed) (1987). Iż-Żurrieq f'Bliet u Rħula Maltin. 35, (pp. 953 - 971). Valletta: Valletta Publishing and Promotions Co Ltd.
Kappelli Maltin (n.d.) Il-Knisja ta' San Ġakbu - Żurrieq. Available at http: http://www.kappellimaltin.com/html/s__gakbu_zurrieq.html, accessed on 10th April, 2010.
Kappelli Maltin (n.d.) Il-Kappella ta' San Bartilmew - Żurrieq. Available at: http://www.kappellimaltin.com/html/s__bartilmew.html, accessed on 10th April, 2010.
Kappelli Maltin (n.d.) Il-Kappella tal-Lunzjata - Ħal Millieri, limiti taż-Żurrieq. Available at: http://www.kappellimaltin.com/html/lunzjata_h_millieri.html, accessed on 10th April, 2010.
Kappelli Maltin (n.d.) Il-Kappella ta' San Ġwann Evanġelista - Ħal Millieri, limiti taż-Żurrieq. Available at: http://www.kappellimaltin.com/html/lunzjata_h_millier i.html, accessed on 10th April, 2010.
Terribile, T. (2004). Teżori fil-knejjes Maltin: Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi u ż-Żurrieq. Pietà: Publikazzjonijiet Indipendenza.

L-Aħħar Kummenti (Forum)
30 weeks 5 days ago
32 weeks 2 days ago
34 weeks 1 day ago
34 weeks 6 days ago
34 weeks 6 days ago
35 weeks 4 days ago
36 weeks 1 day ago
40 weeks 7 hours ago
43 weeks 14 hours ago
1 year 6 weeks ago