Kitba ta' C. Rolé
Il-knisja parrokkjali ta' Santa Katerina V.M. ġewwa ż-Żurrieq, hija waħda mill-eqdem knejjes fil-Gżejjer Maltin. Infatti, meta fl-1436 l-Isqof Senatore de Mello ġie kkumisjonat biex jagħmel inventarju tal-knejjes parrokkjali li kienu jinsabu f'Malta, hu għamel referenza għall-cappella di lu Zurrico (Zarb & Buhagiar, 1978). Huwa magħruf li fl-imgħoddi biswit il-knisja kien hemm ukoll ċimiterju b'kappella ddedikata lil San Pietru. Minkejja l-fatt li l-knisja kienet ġa teżisti qabel l-1436, l-ewwel deskrizzjoni tagħha nsibuha fir-rapport tal-Monsinjur Pietro Dusina fl-1575. Dan il-fatt huwa komuni għall-knejjes parrokkjali kollha ta' Malta (Terribile, 2004).
Minħabba l-fatt li l-popolazzjoni ta' l-inħawi taż-Żurrieq bdiet tiżdied, beda jinħass il-bżonn li tinbena Knisja parrokkjali ġdida. Infatti, lejn is-sena 1630, l-arċipriet ta dak iż-żmien, Dun Antonio Demos, beda jħejji l-pjanijiet għall-bini ta' knisja ġdida. Ġie deċiż li l-knisja l-qadima ta' Santa Katerina, kif ukoll dik ta' San Pietru jitwaqqgħu biex jagħmlu spazju għall-knisja ikbar. Il-bini tal-knisja l-ġdida beda fl-1632-3, taħt it-tmexxija ta' l-arkitet Dun Matteolo Saliba. Il-proġett ħa 25 sena biex tlesta. Fl-ewwel sena, il-bini tal-knisja mexa b'pass mgħaġġel ħafna, tant li sa Settembru ta' l-1634, waħda minn navi kienet prattikament lesta, u bdiet tintuża għall-quddies.. Jingħad ukoll li x-xogħol tal-bini sar b'mod voluntarju miż-Żrieraq (Zarb & Buhagiar, 1978). Il-bini tal-knisja tlesta fl-1658 u waqt iż-żjara tiegħu ġewwa ż-Żurrieq, l-Isqof Balaguer iddeskriva l-knisja bħala l-ifjen waħda ġewwa l-gżejjer Maltin (Mangion & Zerafa, 1986).
Ftit tas-snin wara li tlesta l-bini tal-knisja, preċiżament fl-1676, faqqgħet il-pesta f'Malta. Tradiżjoni ħelwa tgħid li Fra Mattia Preti, li kellu residenza estiva fiż-Żurrieq, ġie jgħix f'dan ir-raħal biex jaħrab minn din l-infezzjoni letali, ikkawżata mill-mikrobu Yersinia pestis. Dan minħabba l-fatt li din l-infezzjoni faqqgħet bi ħruxija kbira fl-inħawi tal-Port il-Kbir. Madanakollu, m'għandna l-ebda ċertezza storika li tindika li Preti għex fiż-Żurrieq biex jevita l-pesta. Il-konnessjoni bejn Preti u ż-Żurrieq però tidher ċara fl-opri ta' arti tiegħu fil-knisja tagħna li sal-ġurnata tal-lum għadhom jitgawdu kemm miż-Żrieraq, kif ukoll minn bosta Maltin u barranin li jżuru r-raħal tagħna (Mangion & Spike, 1998).
Il-knisja oriġinarjament kienet tgawdi 8 opri ta'arti ta' Preti, però sfortunatament, minħabba l-ħruxija tal-gwerra, l-pittura tal-Madonna tar-Rużarju ġiet meqruda waqt air raid (Mangion & Spike, 1998). Il-kwadri li wieħed għadu jista jgawdi ġewwa r-raħal tagħna huma: l-inkwatru titulari ta' Santa Katerina, l-Missier Etern, Santu Rokku, Sant'Andrija, San Stiefnu, il-Visitazzjoni ta' Santa Marija lil Sant Eliżabetta u l-Madonna tal-Grazzja.
Il-pittura tal-Madonna tal-Karmnu, li nsibu fuq wieħed mill-artali tal-ġemb tal-knisja hija xogħol ta' arti mill-isbaħ tal-pittur Antonio Zammit (Xuereb, 2007). Din il-pittura tlestiet fl-1908 u l-fratellanza tal-Karmnu flimkien mal-komunità taż-Żurrieq, iċċellebrat l-għeluq il-mitt sena minn meta tlesta dan il-kwadru permezz ta' bosta attivitajiet li jinkludu lejla mużiko-letterarja ġewwa l-knisja.
Minbarra dawn il-pitturi ta'valur artistiku għoli, il-knisja arċipterali taż-Żurrieq tħaddan fiha numru ta' opri ta' arti oħra, li tul iż-żmien bdew jiġu klassifikati bħala teżori tal-knisja. Dawn it-teżori jinkludi oġġetti ta' fidda, abiti reliġjużi, kif ukoll statwi (Xuereb, 2007).
Wieħed mill-isbaħ xogħolijiet ta' arti li nsibu ġewwa l-knisja hu bla dubju ta' xejn s-salib tal-kleru li tlesta fl-1699. Dan is-salib hu meqjus bħala wieħed mill-isbaħ li nsibu ġewwa l-gżejjer tagħna. Fuq quddiem tas-salib, wieħed jista' jara l-figura ta' Kristu msallab waqt li fuq wara hemm il-figura ta' Santa Katerina. Il-flus biex isir dan is-salib kienu nġabru minn donazjonijiet li n-nies tar-raħal kienu għamlu. Għaldaqstant kienet drawwa li dan is-salib joħroġ jakkumpanja fil-funerali (Mangion & Zerafa, 1989).
Opra t'arti oħra hija l-isfera tal-fidda. Din l-opra ġiet iddiżinjatha minn Francesco Zahra u maħdumha mill-arġentier Giovanni Bessiera fl-1744 (Terribile, 2004). Ftit tas-snin wara, ġie kkumissjonat lampier tal-fidda. Maħdum fuq disinn ta' Francesco Zahra, mill-arġentier Aloysio Fenech fl-1747, dan il-lampier ġie mħallas minn Dun Ġużepp Testaferrata li ħalla l-flus għalih fit-testment (Mangion & Zerafa, 1989).
Il-knisja parrokkjali taż-Żurrieq tħaddan numru ta' abiti reliġjużi. L-abiti reliġjużi li jintlibsu fil-festa titulari ta' Santa Katerina huma meqjusa minn bosta nies bħala wħud mill-isbaħ li hawn f'Malta. Waħda mis-seba' kappep tal-bellus, fuq disinn ta' Luigi Portelli, ġiet mżanżna fil-festa ta' l-1903. Sena wara, iżanżnu wkoll pjaneta u żewġ tuniċelli, t-tliet fuq disinn ta' Arturo Galdes. Ix-xogħol kollu ta' ħjata u rakkmu sar kollu barra minn Malta, preċiżament fl-Lyon fi Franza (Terribile, 2004). Dawn l-opri t'arti kienu ser jintilfu fl-1942 meta bomba ġarfet is-sagristija u l-post ta' fejn kienu merfugħa dawn l-abiti sagri. Għalkemm għal-għajnejn inesperti dawn ma ġarbu ebda ħsara, il-blast ġarraf lil bellus li b'hekk ġie fraġli ħafna, tant li saħansitra l-piz tar-rakmu tad-deheb qed ikun ta' dannu (Mangion & Zerafa, 1989).
L-istatwa titulari ta' Santa Katerina ta' Lixandra hija xogħol artistiku ta' l-iskultur magħruf Marjanu Gerada. Din l-istatwa nħadmet fl-1818 f'maħzen quddiem il-knisja. L-istatwa ġiet inawgurata fl-24 ta' Novembru ta' l-istess sena meta ttieħdet ġewwa l-knisja f'purcissjoni mill-kapella tan-Nigret. Il-purcissjoni tmexxiet mill-arċipriet ta' dak iż-żmien, Dun Karlu DeGiovanni. Fl-1915, din l-istatwa ġie indurata minn Francesco Coleiro msejjaħ il-Manik, u fl-1966, saritilha d-dijadema tad-deheb (Terribile, 2004). Tabilħaqq, il-bradella li titpoġġa fuqha din l-istatwa hija wkoll xogħol artistiku mill-isbaħ li għadu kif għalaq 50 sena (Mangion & Zerafa, 1989).
Statwa oħra sabiħa li nsibu fil-knisja ta' Santa Katerina V.M. hija dik tal-Madonna tal-Karmnu. Din l-istatwa hija maħduma fl-injam minn Salvu Psaila u ġie ikkumisjunata fl-1840. Il-Flus għaliha nġabru mil-poplu taż-Żurrieq u biex jitlesta malajr ix-xogħol, l-arċipriet ta' dak iż-żmien, Dun Karlu DeGiovanni, ħareġ il-kumplament tas-somma mitlubha minn Psaila. L-istatwa tlestiet fl-1842 u ġie ndurata fl-1928 minn Francesco Coleiro (Camilleri, 2006).
Il-parroċċa hija mżejna b'ħames fratellanzi u għaqdiet li huma kollha ferm attivi. Il-fratellanzi ta' din il-parroċċa huma dawn u jidhru b'mod kronaloġiku:
- Il-fratellanza tas-Santissimu Sagrament (data tat-twaqqif: 1575)
- Il-fratellanza tar-Rużarju (data tat-twaqqif: 1588)
- Il-fratellanza ta' Santu Rokku (data tat-twaqqif: 1606)
- Il-fratellanza ta' San Ġużepp (data tat-twaqqif: 1783)
- Il-fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu (data tat-twaqqif: 1801) (A. Xuereb, personal communication, April 9, 2010)
Referenzi:
Camilleri, A (2006.). Ġrajjiet is-soċjetà Karmelitana u banda Queen Victoria Żurrieq. Qrendi: Bestprint Co. Ltd
Mangion, A. & Spike, J. (1998). Preti's Paintings for the Parish Church in Żurrieq In J. Manduca (Ed.). Treasures of Malta (Vol. 1). Malta: Fondazzjoni Patrimonju Malti.
Mangion, A. & Zerafa, K. (1989). Santa Katarina: il-festa u s-soċjeta mużikali tagħha fiż-Żurrieq. Valletta: Peresso Printing Press.
Terribile, T. (2004). Teżori fil-knejjes Maltin: Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi u ż-Żurrieq. Pietà: Publikazzjonijiet Indipendenza.
Xuereb, C. (2007). The creation of a church museum at Zurrieq, a tourism potential for the South. Unpublished B.A. (HONS). Tourism Studies dissertation, Faculty of Economics, Management and Accountancy, University of Malta.

L-Aħħar Kummenti (Forum)
34 weeks 3 days ago
36 weeks 5 days ago
38 weeks 21 hours ago
1 year 14 weeks ago
1 year 14 weeks ago
1 year 20 weeks ago
1 year 21 weeks ago
1 year 21 weeks ago
1 year 23 weeks ago
2 years 4 days ago