5 u 6 ta’ Ġunju 2010
Filwaqt li nkomplu bil-festa solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu infakkru li (għada) illejla fis-6.00 ikollna quddiesa konċelebrata solenni bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u wara purċissjoni bis-S.S. Sagrament li tgħaddi mill-inħawi tax-Xarolla. Inħeġġu ħafna lill-familji ħalli jżejnu minn fejn tgħaddi l-purċissjoni. Nistiednu lit-tfal li għamlu l-Ewwel Tqarbina biex jiġu wkoll għall-purċissjoni.
Għada it-Tnejn se ssir laqgħa oħra tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali fis-7.00 p.m. fiċ-Ċentru Pastorali.
Nhar it-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis huma jiem ta’ kwaranturi, jiġifieri jiem li fihom Gesu Sagramenat ikun espost għall-adorazzjoni tagħna. L-adorazzjoni tibda fit-8.15 a.m. u tibqa sejra sal-quddiesa ta’ filgħaxija. Navżaw ukoll li matul il-ġranet tal-kwaranturi isiru adorazzjonijiet organiżżati skond il-programm li hemm fuq in-notice boards tal-knisja. Matul il-granet tal-kwaranturi, il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun bil-priedka minn Fr Glen. Wara l-quddiesa ta’ filgħaxija ssir adorazzjoni oħra. Nhar il-Ħamis il-quddiesa ta’ filgħaxija se tkun konċelebrata bis-sehem tas-saċerdoti kollha ta’ l-Unita Pastorali. Din il-quddiesa qegħda ssir f’egħluq is-sena tas-saċerdoti.
IL-Ġimgħa niċċelebraw il-festa solenni tal-Qalb ta’ Ġesu. Matul din il-ġurnata wkoll Ġesu Sagramentat ikun espost għall-adorazzjoni tagħna. Fis-6.00 p.m. jingħad l-Għasar tal-Qalb ta’ Ġesu u fis-6.30 p.m. quddiesa konċelebrata solenni bil-priedka mill-W.R. Kan Fr Jesmond Manicaro. Wara l-quddiesa issir il-purċissjoni bis-sehem tal-fratelli u t-tfal ta’ l-Ewwel Tqarbina. Navżaw li nhar il-Ħamis u nhar il-Ġimgħa jkollna saċerdoti barranin għall-qrar. Navżaw ukoll li nhar il-Ġimgħa l-quddiesa ta’ Bubaqra tkun fis-7.30 a.m.
Nhar is-Sibt se ssir l-adorazzjoni għall-qdusija tal-Kleru u talb għall-vokazzjonijiet fil-knisja parrokkjali tal-Għargħur. L-adorazzjoni tibda fl-9.45 p.m. bil-quddiesa.
Għada il-Ħadd fl-10.30 a.m. se jitilgħu il-poloz ta’ dawk li se jerfgħu fil-vara tal-Madonna tal-Karmnu nhar il-festa. Huwa importanti li jkun hemm rappreżentant minn kull grupp ta’ reffiegħa li tefgħu il-polza. It-tlugħ isir fl-Oratorju.
Il-Kap ta’ l-iskola Primarja tixtieq tavża lil dawk il-ġenituri li għandhom tfal li twieldu fl-2007 u għadhom m’humiex miktuba għall-kindergarten biex jagħmlu dan mill-iktar fis possibli. Dan jista jsir min-nhar it-Tlieta mid-9.00 a.m. sa nofsinhar. Il-ġenituri jridu jġibu magħhom iċ-ċertifikat tat-twelid mill-insinwa u l-karta ta’ l-identita’ sew tal-omm u sew tal-missier.

L-Aħħar Kummenti (Forum)
34 weeks 3 days ago
36 weeks 4 days ago
38 weeks 5 hours ago
1 year 14 weeks ago
1 year 14 weeks ago
1 year 20 weeks ago
1 year 20 weeks ago
1 year 20 weeks ago
1 year 23 weeks ago
2 years 3 days ago