AVVIŻI TAL-PARROĊĊA
29/30 t’Awwissu 2009
Illum qed nagħtu bidu għall-festi solenni f’ġieħ S. Katarina V.M. patruna tal-parroċċa tagħna. Fil-5.30 p.m. jitkanta l-għasar, fis-6.00 p.m. quddiesa bis-sehem tal-kor parrokkjali u fis-7.00 p.m. isir il-ħruġ solenni ta’ l-istatwa ta’ S. Katarina li titqiegħed fil-knisja għall-qima tagħna.
Għada it-Tnejn nistiednu lit-tfal kollha tal-parroċċa għall-quddiesa speċjali tal-festa. Matul il-quddiesa se ssir preżentazzjoni mit-tfal fuq il-ħajja ta’ Santa Katarina. Bħas-soltu inħeġġu lit-tfal ħalli jagħmlu offerta mill-flus tagħhom stess biex dawn jingħataw lid-Dar tal-Providenza.
Nhar it-Tlieta għall-quddiesa ta’ filgħaxija se jkunu mistiedna speċjali dawk kollha li jaħdmu għall-festa. Fl-aħħar tal-quddiesa jingħata l-inkarigu lir-reffiegħa ta’ l-istatwa ta’ Santa Katarina.
Nhar l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa huma jiem tat-Tridu. Fis-6.00 p.m. jitkanta l-għasar, fis-6.30 quddiesa bil-priedka tat-Tridu minn P. Joe Zahra O.P.Wara l-quddiesa issir il-kurunella, innu, antifona u Barka Sagramentali. Navzaw li matul il-ġranet tat-Tridu ikollna saċerdot barrani għall-qrar mill-5.00 p.m. il-quddiem.
Nhar il-Ħamis nistiednu lill-morda, anzjani u dawk kollha li jduru bihom għall-quddiesa speċjali għalihom fid-9.15 a.m. Iqaddes P. Djonisju Mintoff. Nerġgħu infakkru lil dawk l-anzjani li huma rekoverati fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule biex javżaw lill-istaff, li jixtiequ jiġu għal din il-quddiesa.
Nhar il-Ġimgħa l-quddiesa ta’ Bubaqra tkun fis-7.30 a.m. minflok filgħaxija.
Nhar is-Sibt fit-8.00 a.m. quddiesa kantata bil-vuċijiet, Innu, Antifona u Te Deum. Iqaddes Dun Żaren Tonna. Navżaw li nhar is-Sibt ikollna saċerdoti barranin għall-qrar bejn id-9.00 u l-11.00 a.m. u bejn l-4.00 u s-6.30 p.m. Infakkru li ma nistgħux niċċelebraw festa vera jekk ma nersqux għall-qrar u l-Ewkaristija. Nhar is-Sibt fis-5.45 p.m. issir it-Translazzjoni Solenni immexxija mill-E.T. Mons Mario Grech Isqof t’Għawdex li se jmexxi wkoll l-Għasar solenni u l-quddiesa konċelebrata ta’ lejliet il-festa.
Il-Ħadd, Jum il-Festa,fis-6.00 u fis-7.00 a.m.ikollna quddies lett, fit-7.45 a.m. tifħir ta’ Sbiħ-il Jum u fit-8.15 a.m. quddiesa bl-omelija. Fid-9.30 a.m. quddiesa pontifikali solenni tal-festa immexxija mill-E.T. Mons Arċisqof Emeritus Gużeppi Mercieca. Wara l-qari tal-Vanġelu jinseġ il-panigierku lil Santa Katarina, l-W.R Proviċjal ta’ l-Agostinjani P. Luċjan Borg. Ikollna quddies lett f’11.45 a.m. u fil-5.00 p.m. Fis-6.00p.m. Għasar solenni u purċissjoni bl-Istatwa ta’ Santa Katarina immexxija mill-W.R. Mons Louis Camilleri. Mad-dħul tal-purċissjoni tingħad il-Litanija lil Santa Katarina, Antifona u Celebrazzjoni Ewkaristika.
Infakkru li matul il-granet tal-Festa nagħmlu l-proġett, BUKKETT TA’ MĦABBA. Fil-knisja se jkollna diversi voluntieri li jkunu ħdejn l-istatwa ta’ Santa Katarina biex jilqgħu id-donazzjonijiet tagħkom ħalli jsir dan il-bukkett li ma jinxifx u noffruh lid-Dar tal-Providenza. Għalhekk filwaqt li nifirħu matul dawn il-ġranet, naħsbu u nferrħu lil ħutna li qegħdin fid-Dar tal-Providenza li hi id-Dar ta’ kulħadd.

L-Aħħar Kummenti (Forum)
25 weeks 2 days ago
27 weeks 1 hour ago
28 weeks 5 days ago
29 weeks 3 days ago
29 weeks 3 days ago
30 weeks 1 day ago
30 weeks 5 days ago
34 weeks 4 days ago
37 weeks 4 days ago
1 year 1 week ago