Pjan Parrokjali


Pjan Pastorali 2009-2011

Introduzzjoni

Dan huwa il-Pjan Pastorali tal-parroċċa taż-Żurrieq għas-snin 2009-2011, li ġie mħejji mill-Kummissjoni Implimentazzjoni Sinodu (KIS), flimkien mal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u l-Kummisjonijiet l-oħra tal-Parroċċa.  Dan sar permezz ta’ proċess ta’ dixxerniment mfassal fuq erba’ laqgħat, ippreparati bil-kollaborazzjoni ta’ Dun Joe Galea  Curmi.  Il-pjan ġie diskuss fl-Assemblea Parrokkjali li saret fit-13 u l-14 ta’ Novembru, u iffinaliżat wara.

Il-pjan huwa maqsum f’sitt taqsimiet, kull waħda mdawwla minn viżjoni ta’ dak li nemmnu li jird Alla mill-parroċċa tagħna fis-snin li ġejjin.  L-ewwel ħames taqsimiet jiffukaw fuq temi partikolari, u se jkunu f’idejn il-kummissjoni rispettiva.  Is-sitt taqsima, hija dik tal-Kommunjoni u se tkun responsabilta’ tal-Kunsill Parrokkjali. 

  

 

1.    VIZJONI: Il-parroċċa trid tkun dejjem Knisja miftuħa  għall-Kelma t’Alla biex tilqagħha bil-qalb u biex twassalha b’fedelta u impenn lill-bniedem tal-lum. Mudell ta’ dan għandna nieħdu lil San Pawl, speċjalment issa li qegħdin niċċelebraw is-Sena Pawlina.

Responsabbli: IL-Kummissjoni Kateketika(KK)

 

 

1.1. ‘U meta nintrefa’ ‘l fuq mill-art jien niġbed il-bnedmin kollha lejja’ (Gw 12,32) Dan huwa l-motto li għażel l-Arċisqof bħala l-pedament li fuqu għandha titmexxa l-ħidma tal-KK. Għalhekk  kull membru irid jikkommetti ruħu bis-serjeta li jżomm dan il-motto f’qalbu: li biex iwassal il-Kelma lil ħaddieħor għandu l-ewwel u qabel kollox ikun xhud tagħha b’imġieba u eżempju tajjeb fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.

 

1.2. Il-Kummissjoni se taħdem biex il-quddiesa tat-8.15 a.m. ta’ nhar ta’ Ħadd tkun tassew quddiesa għat-tfal u dan fuq il-mudell ta’ kif kienet issir il-quddiesa għat-tfal matul is-Sajf 2008. Dan isir b’kant adattat għat-tfal u omelija adattata. Il-liturġija tat-tfal li ssir fil-quddies l-ieħor tibqa’ ssir regolarment.

 

1.3. Progett ta’ aġġornament tal-website. Il-Kummissjoni se timpenja ruħha li taġġorna l-website tal-parroċċa. Diġa nstabu nies li jistgħu jgħinu fit-twettieq ta’ dan-il proġett li huwa mezz effikaċi biex titwassal il-Kelma t’Alla.

 

1.4. Il-KK se tgħin fix-Xandir tal-Kelma minn għaqdiet oħra. Dan se jsir billi jsiru laqgħat apposta mal-gruppi li huma impenjati fix-Xandir tal-Kelma li huma: L-Aħwa fil-Mixja Neokatekumenali, Il-Grupp Kariżmatiku ‘Resurexit’, Il-Legion of Mary il-komunita Ġesu Salvatur (grupp ġdid li beda jiltaqa’ fil-parroċċa ftit tax-xhur ilu), il-Grupp Mixja ta’ Fidi, il-Grupp tal-Bibbja u l-Fokolarini, u l-adulti tal-Azzjoni Kattolika.  Rappreżentanti minn dawn l-għaqdiet jidħlu fil-kummissjoni li isimha jinbidel għall-‘Kummissjoni Għax-Xandir tal-Kelma’.

 

1.5. Il-proġett ta’ l-Istola. L-iskop ta’ dan-il-proġett hu li tittieħed stola ta’ saċerdot fil-familji u jżommuha għandhom ġimgħa. Matul din il-ġimgħa il-familja tkun imħeġġa biex titlob u tagħmel sagriċċji għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

 

 

2.    VIŻJONI:  Biex permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u tas-Sagramenti il-komunita tagħna tersaq iżjed lejn Alla.

Responsabbli: IL-Kummissjoni Liturġja(KL)

 

2.1. Jiġi mniedi  malajr kemm jista’ jkun il-proġett awdjo-viżiv biex nispjegaw il-quddiesa u l-importanza tagħha. Fl-istess ħin għandu jsir sforz biex nisfruttaw aħjar il-potenzjal ta’ l-apparat elettroniku li ġie stallat fil-knisja.

 

2.2. Issir katekeżi fuq il-Kelma t’Alla skond iż-żmien Liturġiku e.g. ir-Randan.  Dan jista’ jsir jew f’forma ta’ Lectio Divina jew billi nġibu kelliema minn barra mill-parroċċa. Din il-katekeżi għandha tkun mifuħa għal kulħadd imma l-aktar għall-membri ta’ l-għaqdiet, il-letturi u l-animaturi. 

 

2.3. Issir il-Liturġija tas-Siegħat is-Sibtijiet u l-Ħdud filgħaxija is-sena kollha.

 

2.4. Il-formazzjoni ta’ gruppi ta’ akkoljenza  min-nies li m’huma involuti f’xejn. Biex jintlaħaq dan il-għan għandu jsir HAFNA  kuntatt personali.

 

2.5. Nintensifikaw il-formazzjoni liturġika lil-letturi u animaturi b’formazzjoni Biblika, liturġika u teknika.

 

2.6. Tissaħħaħ il-Liturġija tat-tfal.

 

2.7. Dwar is-Sagrament tal-Magħmudija u tar-Rikonċiljazzjoni

2.7.1.   Fil-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej isir katekeżi fil-quddiesa dwar il-mumenti prinċipali tar-rit tal-Magħmudija.

2.7.2.   Li dwar id-daħla tat-trabi fil-knisja nadottaw dak li jgħid ir-rit jiġifieri li t-trabi jiġu milqugħa fil-knisja ħdejn il-bieb il-kbir fejn issir l-akkoljenza miċ-ċelebrant u tkompli l-proċessjoni sa l-artal fejn tkompli l-quddiesa.

2.7.3.    Jingħata l-booklet ‘Il-Magħmudija: bidu ta’ storja ta’ Mħabba’ lill-ġenituri tat-tarbija. Dan il-booklet fih katekeżi tal-Magħmudija  fil-qosor.

2.7.4.   Fiż-żmien l-Avvent, ir-Randan u Pentekoste issir ċelebrazzjoni tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.

 

3.            Meta fl-Aħħar Ċena Ġesu ħasel saqajn l-Appostli, Huwa rabat l-Ewkaristija mad-Djakonija (il-qadi tal-oħrajn)

VIZJONI:  biex il-parroċċa tkun Knisja li taqdi u taħdem għall-ġustizzja. B’hekk il-qadi ta’ l-oħrajn ikun it-tkomplija tal-Ewkaristija.

Responsabbli: IL-Kummissjoni Djakonija(KD)

 

3.1. Isir kwestjonarju li jitwassal lil kull familja biex jiġu identifikati nies li għandhom kull tip ta’ disabilita’. Naraw  x’qed iżommhom milli jipparteċipaw fl-Ewkaristija. Wara naħdmu biex naraw x’nistgħu nagħmlu biex dawn in-nies jibdew jipparteċipaw fl-Ewkaristija li hi l-qalba tal-Knisja.

 

3.2. It-tisħiħ tal-KD.

3.2.1.   Hemm bżonn li nidentifikaw nies li għandhom l-informazzjoni, il-formazzjoni u l-ħila  biex ifittxu, jiflu u jisimgħu fejn hemm inġustizzji. Naraw jekk nies bħal dawn għandhomx ikunu parti mill-KD.  Jeħtieġ illi sacerdot ikun membru tal-Kummissjoni.

3.2.2.   Li l-membri ikunu ffurmati tajjeb mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, aġġornati mat-twissijiet ta’ dan it-tagħlim, li jwassal għal impenn ġenwin u li jissarraf , permezz tal-fidi tagħna, f’għemil konkret ta’ xhieda  favur id-drittijiet  tal-bniedem, l-inklussivita, il-ħarsien ta’ l-ambjent u kontra r-razziżmu – bħala parti integrali mill-għajxien ta’ dak li nemmnu.

 

3.3. Noffru għajnuna ta’ counselling lil kull min ikollu bżonn, billi jkollna nies professjonali  li jagħmlu dan ix-xogħol b’mod volontarju. Għal dan nitolbu l-għajnuna ta’ nies professjonali li jista’ jkollna fil-parroċċa kif ukoll l-għajnuna tal-Caritas. Għal dan il-proġett ikun ideali li nsibu premisses fejn tiġi salvagwardjata il-kunfidenzjalita’ li hija parti importanti biex jintlaħaq il-għan ta’ dan-il proġett.

 

 

 

4.    VIŻJONI: Biex il-parroċċa taż-Żurrieq ikollha familji b’saħħithom fi ħdan żwieg  nisrani kif iridu Alla.

Responsabbli: IL-Kummissjoni Familja(KF)

 

4.1. It-talb fil-familja huwa mezz importanti għat-tisħiħ tal-familja.  Għalhekk il-KF ser titħarreġ fuq kif issir ‘Lectio Divina’ ħalli tkun tista’ torganizza hi stess dan il-metodu ġdid ta’ talb mibni fuq il-Kelma t’Alla għall-familji tagħna. (Lectio Divina huwa talb ibbażat fuq qari, meditazzjoni, kontemplazzjoni u azzjoni fuq silta mill-bibbja.)

 

4.2. Jeħtieġ li l-familja jkollha mumenti fejn tkun tista’ tirrifletti fuqha innifisha, biex tkompli tiskopri lilha nnifisha. (Ġwanni Pawlu II fl-Eżortazzjoni Apostolika ‘ Familiaris Consortio’.) Għalhekk ser jiġu organizzati żewġ seminars ta’ ġurnata fis-sena. Dawn  għandhom ikunu miftuħin għall-familji kollha.  Il-KF għandha tagħmel ‘drive’ biex iktar familji jattendu għal dawn is-seminars.

 

4.3. Għandha tibda tiġi organiata quddiesa għall-familja darba fix-xahar.  Din tkun waħda mill-quddies li jsir diġa’ fi tmiem il-ġimgħa, bħalma ġara fil-każ tal-quddiesa li qed tieħu ħsieb il-band ‘dprophecy’.

 

4.4. Titkompla s-sensiela ta’ laqgħat ta’ kull xahrejn għall-koppji miżżewġa.  Dawn il-laqgħat għandhom ikunu miftuħin għall-koppji kollha anke tal-Unita’ Pastorali 16, bl-għan li dawk li jattendu għall-dawn il-laqgħat ikunu huma stess li bl-eżempju tagħhom iwasslu messaġġ favur żwieġ b’saħħtu.

 

4.5. Jibqgħu jiġu ċċelebrati il-festi ta’ Jum l-Omm u Jum il-Missier, tas-Sagra Familja li fiha niċċelebraw l-anniversarji taż-żwieg bħala xhieda ta’ żwieġ b’saħħtu.

 

4.6. Minħabba li l-grupp ‘going steady’ huwa mportanti għal dawk iż-żgħażagħ għarajjes li qed iħejju ruħhom għaż-żwieg, il-KF għandha issib iktar koppji biex imexxu dan il-grupp, b’hekk il-grupp ma jibqax tiddependi fuq koppja waħda biss.

 

4.7. Il-Kummissjoni Familja se taħdem flimkien mal-Kummissjoni Djakonija biex tieqaf ma’ dawk li huma vittmi  ta’ tbatija fil-ħajja taż-żwieġ u l-familja.

 

4.7.1.   Għalhekk taħdem għal support in ġenerali għas-single parents.

4.7.2.   Jitwaqqaf Support group għal romol l-aktar għal dawk ta’ eta żgħira. (rġiel u nisa)

4.7.3.   Laqgħat ta’ support għal min jitlef lil xi ħadd għażiż u ssir quddiesa kull xahar għal dawk li mietu matul dak ix-xahar.

 

 

5.    VIŻJONI: Biex fil-parroċċa taż-Żurrieq iż-Żgħażagħ iħossuhom f’darhom u huma stess iħossu l-ħtieġa li jwasslu lill-oħrajn lejn Ġesu’ Kristu.

Responsabbli: IL-Kummissjoni Addoloxxenti u Żgħażagħ(KPAŻ)

 

5.1. Jeħtieġ illi l-Kumissjoni Parrokkjali Adoloxxenti u Żgħażagħ tisaħaħ.  Dan għandu jsir billi l-ewwel jiġu identifikati d-diffikultajiet li jeżistu fi ħdan il-kummissjoni u l-membri tagħha u naraw kif dawn se jiġu melgħuba fil-futur. Dan kollu irid isir fi spirtu ottimist ta’ akkumpanjament, djalogu, smiegh u qsim.  Dan għandu jwassal biex tissaħħaħ il-kommunjoni fil-gruppi u bejn il-gruppi li jagħmlu l-KPAŻ.

 

5.2. Il-KPAZ trid isaħħaħ u tagħti s-support kollu possibli lill-adoloxxenti  u ż-żgħażagħ  li għandna fil-gruppi tagħna.  Il-Parroċċa trid tipprovdi akkumpanjament, djalogu, smiegh u qsim lill-dawn u ma’ dawn l- adoloxxenti  u ż-żgħażagħ.  Il-KPAŻ se tenfasizza mall-parrocca kollha li kulhadd irid jagħtihom is-support u japprezza l-isforzi tagħhom. Fl-istess ħin il-KPAŻ trid tipprovdi formazzjoni ghall-genituri, minhabba problemi li jistghu joholqu huma stess fil-formazzjoni nisranija ta’ wliedhom, speċjalment fejn tidħol il-pressure tal-istudju li qed itellef lill-adoloxxenti u z-zghazagh milli jikbru u jimxu l-quddiem fil-hajja nisranija taghhom.

 

5.3. Finalment il-KPAZ trid tistudja mezzi kif se tilħaq lil dawk li s’issa għadha mhux qed tilħaq.

 

 

6.    VIŻJONI:  Biex fil-parroċċa jisaħħaħ il-valur tal-komunjoni u titkabbar l-ispiritwalita’ tal-Komunjoni fil-membri tal-Kommunita’ Parrokkjali.

Responsabbli: IL-Kunsill Pastorali Parrokkjali (KPP)

 

6.1. Għalhekk il-KPP permezz tal-KIS qed jipproponi li matul dawn it-tliet snin isiru żewġ seminars kull sena bl-iskop li mhux biss insiru nafu lil xulxin imma fuq kollox napprezzaw il-ħidma ta’ kulħadd u naraw kif se naħdmu iktar bejnietna il-valur tal-Komunjoni.   Dawn is-seminars isiru darba kull sitt xhur. Nissuġġerixxu li jsiru meta jkun hemm xi btala pubblika li ma tkunx is-Sibt jew il-Ħadd.  Dawn is-seminars ser ikunu mmirati għall-membri kollha tal-KPP, il-membri kollha tal-Kummissjonijiet.  Dawn ikunu mibnijin fuq spiritwalita tal-komunjoni; relationship skills; listening skills eċċ.  L-ewwel seminar huwa propost li jsir nhar it-8 ta’ Diċembru u l-KIS se tieħu ħsieb tfassal il-programm.

 

6.2. Jeħtieġ li fiż-żmien li ġej il-kummissjonijiet u l-istrutturi kollha parrokkjali jiġu studjati, u naraw kif dawn ser isiru aktar effetivi.  Iridu naraw li dawn jghinu biex fl-aħħar mill-aħħar titwettaq ir-rieda ta’ Alla għalina.  Dan ser ikun qed isir fl-istess ħin li l-Arċipriet flimkien ma’ membri oħra tal-kleru se jkun qed javviċina nies ġodda biex jinvolvu ruħhom f’dawn l-istrutturi, bl-għan li jkun hemm tiġdid.

 

6.3. Barra minn hekk il-Kunsill Parrokkjali ser iwaqqaf il-Kummissjoni Tfal kif inhi x-xewqa tal-Knisja f’Malta, bil-għan illi s-sens ta’ Kommunjoni Parrokkjali jinfirex anke fost iż-żgħar, li min eta żgħira se jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom fil-parroċċa.  Dan isir permezz ta’ Assemblea għat-tfal li tissejjah fiż-zmien li ġej.  Il-Kummissjoni tkun maghmula minn 6 tfal, koordinatur u l-Arcipriet.

 

 

Matul it-tliet snin tal-pjan il-Kumissjoni Implimentazzjoni Sinodu għandha tkompli tgħarbel u tevalwa l-ħidma li tkun qed isir fil-Parroċċa biex tara li l-miri tal-pjan ikunu qed jintlaħqu.  F’dawn it-tlett snin ser isir ukoll il-viżta Pastorali ta’ Mons. Arċisqof li l-ippjanar għaliha ser isir fl-Assemblea tal-2009. 

 

 


« March 2010 »
MonTueWedThuFriSatSun
1234567
891011121314
15161718192021
22232425262728
293031

Bookmark Us

Bookmark Website 

Bookmark Page 

Votazzjoni

Taf x'inhi l-Unita' Pastorali?
Iva
58%
Le
42%
Total votes: 43

L-Aħħar Kummenti (Forum)